Xogħlijiet ta’ kostruzzjoni fi djar u proprjetajiet li ma jaffettwawx lil terzi persuni jistgħu ikomplu minnufih.
Hekk sostna ma’ ONE News, l-Avukat Robert Musumeci dwar ir-regolamenti l-ġodda li daħlu fis-seħħ it-Tnejn li għadda biex iħarsu d-drittijiet ta’ terzi waqt xogħlijiet ta’ twaqqigħ ta’ bini u sakvar.
L-Avukat Musumeci saħaq kif il-liġi l-ġdida m’għandhiex iżżomm xogħlijiet milli jitkomplew meta liema xogħlijiet ma jkunux se jaffettwaw lill-ġirien.
“L-interventi illi l-perit jiċċertifika li għalkemm huma xogħlijiet ta’ kostruzzjoni ma jaffetwawx lil terzi, tajjeb jien naf perezempju inti qed tagħmel xogħol fejn ma tmissx ma’ terzi, jew inkella x-xogħol li qed tagħmel huwa xogħol ta’ construction u alteration illi mhux se taffettwa lil terzi persuni, f’dak il-każ, jekk il-perit jiddikjara dan, allura x-xogħlijiet jistgħu ikomplu minnufih.”
Qall li qabel ma jibda x-xogħol, issa l-liġi titlob li l-perit jagħmel analiżi ta’ x’hemm fil-madwar qabel il-kuntrattur jibda jqatta’ l-blat u jissokta bix-xogħol.
“Dan qiegħdin nagħmluh billi l-Perit responsabbli, l-ewwel jagħmel studju, jagħmel analiżi ta’ kif inhu l-blat, ta’ kif inhu l-bini fil-madwar, imbagħad jiddeċiedi kif għandhom jipproċedu x-xogħlijiet.”
Stqarr li jekk il-perit jara li l-intervent strutturali mhux se jikkaġunaw danni għal terzi, ix-xogħlijiet ikunu jistgħu jitkomplew.
“Hemm xogħlijiet oħrajn, jien naf pereżempju jiena qed nibni struttura fejn b’dak li qed nagħmel mhux se naffettwa terzi persuni għax jiena qed ningalja għall-grazzja tal-argument fuq ħajt li huwa indipendenti minn dak tal-ġarr jew qed nagħti kontrabejt jew qed nibni opramorta. Jekk il-Perit jiċċertifika li f’dawn iċ-ċirkostanzi dak li se nagħmel mhux se naffettwa lil terzi, allura l-perit, dejjem jekk huwa konvint, jista’ jutilizza dan l-artikolu, artikolu 26, jiċċertifika dak li qed ngħid u x-xogħlijiet jistgħu jitkomplew.”
L-Avukat Musumeci saħaq li għalkemm l-avviż legali preżentament jitlob li r-responsabbilitá tas-‘site manager’ tkun merfugħa minn perit, stqarr li l-mod kif inkitbet il-liġi ma żżommx lill-Gvern milli fiż-żmien li ġej professjonisti oħra jkunu wkoll rikonoxxuti bħala kompetenti biex jagħmlu dan l-irwol tal-uffiċjal tekniku fuq is-sit.
Saħaq li dan l-avviż legali se jibdel is-settur għax fuq kollox se joffri protezzjoni lill-ġirien ta’ siti fejn ikun ser isir l-iżvilupp anke jekk din il-protezzjoni tista’ tiswa ftit telf ta’ ħin għall-iżviluppatur.
“Issa qabel tibda trid tissottometti l-istudji tiegħek, l-analiżi tiegħek, se jkunu online, fejn il-ġirien se jkunu jafu x’se tagħmel. Issa dik hija d-direzzjoni tal-Gvern. Naturalment wieħed jista’ jikkummenta, wieħed jista’ jikkritika għaliex issa x-xogħol se jittardja b’ġimgħatejn. Jiġifieri jekk jiena se nqatta’, għandi ġimgħatejn nistenna sabiex il-ġirien ikunu jistgħu jaraaw kif se jsiru x-xogħlijiet. Pero l-Gvern huwa kommess illi l-ġirien ikunu, first and foremost, ikunu siguri f’darhom.”