Xogħlijiet ta’ restawr u konservazzjoni fuq il-Knisja tan-Nattività tal-Madonna, magħrufa bħala Ta’ Savina, binja storika u prominenti fil-Belt Victoria, Għawdex, attwalment qed jitwettqu minn grupp ta’ ħaddiema fid-Dipartiment tar-Restawr fid-Direttorat għall-Wirt Kulturali tal-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar, taħt it-tmexxija tal-Perit Ivana Farrugia.
Dan qed isir wara riċerka intensiva u spezzjonijiet fuq is-sit bil-għan li x-xogħlijiet isiru f’ambjent sigur li jirrispetta l-ogħla standards ta’ konservazzjoni.
Il-proċess wassal biex jinħoloq dokument dettaljat dwar l-interventi meħtieġa li issa qed jitwettqu skont linji gwida stabbiliti.
Waqt żjara li għamel fuq il-post, il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar, Clint Camilleri, qal kif dan il-proġett mhux biss se jikkonserva din il-ġawhra arkitettonika, iżda se jagħti dehra ġdida lill-knisja ikonika.
“Il-mod kif is-saqaf hu mpoġġi huwa wieħed partikolari, fejn għandek it-travi tal-ħadid. L-istess skultura jidħol bħal kexxun fl-istess travu biex għandna dan is-saqaf ċatt, imma mimli skultura. Għaldaqstant irrid nirringrazzja lill-ħaddiema kollha tax-xogħol siewi tagħhom biex dan il-wirt li rċivejna aħna mingħand missirijietna jkun jista’ jkompla jitgawda mill-pubbliku.”
Il-Ministru Clint Camilleri
Dan ix-xogħol hu maħsub li jikkonserva l-iskema ta’ disinn ta’ Monsinjur Giuseppe Farrugia.
Il-fili qed jiġu maqlugħin u mkaħħlin mill-ġdid skont il-gwida tal-awtoritajiet ikkonċernati. Xogħol ieħor relatat ma’ dan il-proġett jinkludi restawr fuq l-aperturi, restawr tal-ħġieġ dekorattiv u restawr tal-paviment tal-irħam.
Se tiġi installata wkoll sistema ġdida ta’ dwal, addattata għall-funzjonijiet liturġiċi u għall-adorazzjoni. Il-knisja se tingħata dehra aktar kompluta b’intervent fuq iz-zokklatura.
Min-naħa tiegħu, ir-Rettur tal-Knisja, Monsinjur Joseph Vella Gauci, irringrazzja lill-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar għas-sostenn tiegħu f’dan il-proċess li qiegħed isir.
“Nixtieq inrodd ħajr lill-Ministeru għal Għawdex għas-sostenn tiegħu fil-proċess tar-restawr ta’ din il-Knisja ta’ Savina. U x-xogħol kollu twettaq mir-Restoration Unit fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex. Sar xogħol impekkabbli li jien nikkunsidraha l-flagship f’dak li hu restawr li sar matul din is-sena.”
Mons. Joseph Vella Gauci, Rettur tal-Knisja