Qedgħin isiru xogħolijiet ta’ emerġenza fuq il-pont tal-Mistra hekk kif sar magħruf li partijiet mill-istruttura ta’ dan il-pont qedgħin f’riskju li jċedu. Qal dan il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg waqt li kien qed jindirizza laqgħa fejn id-Direttorat tat-Toroq u l-Infrastruttura kien qiegħed jagħti xi aġġornamenti tekniċi fuq ix-xogħlijiet tal-pont tal-Mistra.
Din-sitwazzjoni perikoluża ġiet identifikata l-ġimgħa l-oħra, u immedjatament il-korsija li twasslek mix-Xemxija għall-Mellieħa ġiet magħluqa għas-sigurtà u biex ma tkomplix issir aktar ħsara. Esperti strutturali qed jaħdmu fuq studji relatati mal-istabbilità tal-istruttura biex ikunu jistgħu iħejju pjan biex tiġi msaħħa parti mill-ħitan li jservu bħala sapport għat-triq li tgħaddi mill-partijiet l-aktar qodma ta’ dan pont. Dawn il-partijiet li probabli għandhom mal-130 sena, qegħdin f’riskju li jċedu. Bħalissa għaddejin xogħlijiet ta’ tħaffir biex tkun tista’ tiġi ddeterminata l-gravità tal-ħsara u biex ikun jista’ jsir ix-xogħol tar-rinfurzar qabel ma’ terġa tiġi mibnija t-triq ta’ fuq l-istruttura. Tħejjew rotot alternattivi mill-Manikata u l-Miżieb, immarkati b’sinjali ta’ devjazzjoni għal dawk li jkunu qed jivvjaġġaw minn u lejn il-Mellieħa, sabiex jaslu b’inqas diffikultà u dewmien.
Il-Ministru Borg esprima d-dispjaċir tiegħu fuq it-telqa li l-infrastruttura tal-pajjiż soffriet matul dawn is-snin kollha. Telqa li ma ħallietx għażla lill-inġiniera u periti Maltin u internazzjonali għajr li jagħlqu l-karreġġjata mix-Xemxija lejn il-Mellieħa. Il-Ministru semma wkoll li hemm diversi strutturi oħra f’qagħda simili, li ser ikunu qed jiġu studjati sabiex jibda x-xogħol fuqhom ukoll, fiż-żmien li ġej.