Permezz ta’ xogħlijiet li qed isiru matul il-lejl, Infrastructure Malta qed tibdel il-wiċċ tal-pont bejn Ħal Qormi u l-Marsa biex tintroduċi protezzjoni adekwata ta’ waterproofing u saffi ġodda ta’ asfalt.
Dan kollu qed isir bħala parti minn proġett ta’ titjib tal-istruttura arterjali f’dan il-pont li nbena fis-snin sebgħin.
Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg żar ix-xogħlijiet ta’ manutenzjoni li għaddejjin fuq il-pont, li mistennija jitlestew sal-aħħar tas-sena.
Il-pont bejn il-Marsa u Ħal Qormi jgħaddi mill-Marsa-Ħamrun bypass, għal madwar 6 metri fuq roundabout li tgħaqqad lil Santa Venera, Ħal Qormi u l-Marsa u jinkludi struttura ta’ 70 metru fuq 40 kolonna.
Qal li fil-bidu tal-ġimgħa, il-kuntratturi neħħew il-wiċċ eżistenti tal-pont, naddfuh minn kull materjal li kien inqala’ u taw saff irqiq ta’ asfalt. It-triq infetħet l-għada t-Tlieta .
Ix-xogħol issokta l-Erbgħa filgħaxija bil-ħaddiema jagħtu membrane speċjalizzat u importat apposta għal dan l-għan fuq l-ewwel parti tal-pont.
U għall-ewwel darba qed nagħmlu membrane biex permezz tiegħu ser inkunu qed nilqgħu għall-elementi fuq din l-istess struttura u tkun tagħti sigurtà għal kull min jivvjaġġa.
Ix-xogħlijiet ta’ tibdil tal-wiċċ qed isiru matul il-lejl biex jiġi evitat il-bżonn li tingħalaq il-parti tal-Marsa-Ħamrun bypass mal-ġurnata.
Il-manutenzjoni tal-pont qed tingħaqad mat-titjib li għaddej bħalissa fil-kuritur arterjali bejn iċ-ċentru u n-Nofsinhar li jkopri minn Triq Aldo Moro sa parti minn Triq Diċembru 13, il-Marsa-Ħamrun bypass u l-mini ta’ Santa Venera.
Diversi korsiji ġodda u ħoloq imtejba, inklużi sitt korsiji matul il-Marsa-Ħamrun bypass u seba’ korsiji fi Triq Aldo Moro, se jsiru disponibbli qabel il-bidu tas-sena skolastika l-ġdida aktar tard dan ix-xahar.