It-Tlieta filgħodu, is-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo żar il-lokalita ta’ Santa Luċija, fejn segwa mill-qrib diversi xogħlijiet infrastrutturali li jinsabu għaddejjin.
Fost dawn kien hemm il-ġnien tal-bandli. Hawnhekk sar tranġar tal-istrutturi li bihom jilgħabu t-tfal filwaqt li kontinwament ikun hemm it-tindif tal-istess żona u manutenzjoni meta jinqala l-bżonn.
Xogħol ieħor li qed isir huwa dak tat-tranġar ta’ ċnut u ħitani baxxi f’Santa Luċija. Dawn qatt ma ngħataw l-attenzjoni neċessarja bil-possibilta’ li setgħu iħallu konsegwenzi koroh.
Waqt id-diskors tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo spjega kif dawn ix-xogħolijiet qed jitwettqu mit-tlett mija u erbgħin ħaddiem tal-IPSL u tal-ETC. Ħaddiema li qed jintbagħtu mill-Gvern Ċentrali u li permezz tagħhom, il-Kunsilli Lokali qed jingħataw soljev fuq l-infieq.
Dan għaliex filwaqt li l-Kunsill Lokali jipprovdi l-materjal meħtieġ, il-pagi ta’ dawn il-ħaddiema, li jammontaw għal erba miljun ewro fis-sena, jitħallsu mill-Gvern. Għaldaqstant ma jitnaqqsux mill-baġit allokat għal Kunsilli Lokali ta’ erbgħin miljun ewro.
Is-Sindku ta’ Santa Luċija Terence Ellul spjega kif waqt il-laqgħat tal-kunsill dejjem ikun diskuss x’jista jkun tranġat. L-impenn jibqa li l-lokalita kollha tkun indirizzatha għall-ġid ta’ kulħadd.