Jinsab għaddej ġmielu xogħol infrastrutturali fil-bajja pittoreska tax-Xwejni, li tinsab fil-limiti taż-Żebbuġ, Għawdex. Ix-xogħol jinvolvi żewġ proġetti differenti però kumplimentari għal xulxin, hekk kif qed jinbena mill-ġdid ir-retaining wall ta’ din il-bajja u qed isiru xogħlijiet fit-triq, kif ukoll il-bini mill-ġdid tat-triq ewlenija, Triq Għajn Mhelel, li mir-raħal taż-Żebbuġ twasslek sal-bajjiet tax-Xwejni u l-Qbajjar f’Marsalforn. Dan qed isir b’investiment ta’ madwar nofs miljun ewro.
Fiż-żona magħrufa bħala Tax-Xwejni, qed isir xogħol fuq it-triq u r-retaining wall li tagħti għal din il-bajja. Wara ħafna snin ta’ abbandun u nuqqas ta’ attenzjoni, il-Ministeru għal Għawdex identifika li din it-triq kellha tittranġa u tkun aktar sigura.
Triq Għajn Mhelhel tgħaqqad il-lokalità taż-Żebbuġ ma’ Marsalforn u hija proġett li qed isir bħala parti minn ‘Proġett Għawdex- Toroq fil-Lokalità Tiegħek’ tal-Ministeru għal Għawdex, wara li l-Kunsill Lokali taż-Żebbug identifika din it-triq bħala prijorità. Fil-fatt, wasal fi tmiemu x-xogħol ta’ asfaltar u bdil ta’ servizzi, u b’hekk din it-triq issa tista’ terġa’ tibda titgawda.
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet kif ix-xogħol li għaddej bħalissa fiż-żona ta’ Marsalforn huwa biss wieħed minn sensiela sħiħa ta’ xogħlijiet li qed jitwettqu fiż-żona ta’ Marsalforn, fejn diġà ngħata bidu għax-xogħol fil-promenade li ser jiswa madwar tliet miljun ewro, u fażijiet oħra jinkludu l-breakwater u l-parkeġġ fejn diġà ġiet sottomessa l-applikazzjoni għand l-Awtorità tal-Ippjanar. Qalet ukoll li dalwaqt jagħlaq it-tender għax-xogħol biex tinbena mill-ġdid it-triq li mir-Rabat tieħu għal Marsalforn, li huwa proġett multimiljunarju, kif ukoll sar ftehim mal-Kunsill Lokali tax-Xagħra biex jiġi ppubblikat it-tender għal Triq Marsalforn fix-Xagħra stess, li huwa investiment ta’ aktar minn miljun ewro.
Il-Ministru Justyne Caruana qalet u fakkret kif is-suċċess ta’ ‘Proġett Għawdex – Toroq fil-Lokalità Tiegħek’ ġej mill-fatt li fl-aħħar budget, il-Ministeru għal Għawdex ingħata allokazjoni rekord għall-bini mill-ġdid jew riġenerazzjoni ta’ toroq madwar Għawdex, li jammonta għal €10,000,000.
Minn naħa tiegħu, s-sindku tal-lokalità taż-Żebbuġ Nicky Saliba rringrazzja l-Ministeru għal Għawdex għall-impenn li imbarka fuqu, liema impenn qed iħalli l-frott sabiex il-kunsilli lokali Għawdxin ikunu jistgħu jingħataw fondi neċċessarji biex iwettqu proġetti ta’ ċertu portata.
Ritratti: MGOZ