Ix-xogħol fuq Triq Għajn Qajjet, it-triq bejn ir-Rabat u l-Imtarfa, qed joqrob lejn l-aħħar stadju.
Infrastruttura Malta reġgħet iddisinjat din it-triq biex tinkludi bankina ġdida ta’ mitejn metru, li se tingħaqad mal-passaġġ tal-Belvedere ta’ Triq tal-Għexierem.
Waqt żjara fuq il-lant tax-xogħol, il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg qal kif din it-triq se tiffaċilita konnessjonijiet aktar siguri għall-vetturi li jgħaddu bejn dawn iż-żewġ lokalitajiet.
Qal, “L-ikbar enfasi li qed isir hawnhekk hija s-sigurtà. Filfatt anke rajna li jkun hemm infrastruttura għal minn jimxi li tgħaqqad dan il-bypass mal-kumplament tal-proġett ta’ Għexierem illi għaddej fuqu investiment importanti ieħor u n-nies se jkollhom mixja sabiħa ta’ 2.3 kilometri.”
Is-sindku tal-Imtarfa, Daniel Attard, esprima s-sodisfazzjon tal-Kunsill li dan il-proġett se jtejjeb is-sigurtà għas-sewwieqa, fl-istess waqt li joffri spazju rikreattiv.
Spjega, “B’dan il-proġett se jkollna aktar sigurtà u kwalità ta’ ħajja aħjar għar-residenti tagħna li jagħmlu użu minn dan il-passaġġ u issa aktar u aktar li l-proġett tal-Għexierem wasal biex jitlesta.”
Permezz ta’ dan il-proġett, Infrastruttura Malta se ttaffi wkoll id-diffikultajiet tal-għargħar li ilhom jeżistu f’din iż-żona, bit-tqegħid ta’ medda ta’ nofs kilometru ta’ pipeline ġdid, minflok il-kanal dejjaq li kien hemm qabel.