Hekk kif ilbieraħ ingħata bidu għall-Kampjonat Premier bl-ewwel logħba kienet dik bejn it-timijiet ta’ Balzan u Birkirkara, wieħed seta’ jara li għall-ewwel darba, il-logħba xxandret fid-direzzjoni tal-enclosure, proprju fejn il-partitarji tat-timijiet isegwu l-logħba.
Dan wara li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, immexxi mis-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia, kien protagonista biex saru aktar xogħlijiet biex il-ħolma li l-atmosfera tal-partitarji tkun tista’ tasal fid-djar tan-nies issir realtà.
Għal ħafna żmien, il-pubbliku li jsegwi b’mod dirett il-futbol Malti minn fuq it-televiżjoni appella biex it-trażmissjoni tkun mill-Millenium Stand minflok mill-Enclosure. Dan biex dawk li qegħdin isegwu jkunu jistgħu jaraw l-atmosfera li joħolqu l-partitartji tat-timijiet rispettivi.
Fid-dawl ta’ dan, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi ġie mitlub biex jaħdem strutturi tal-ħadid biex ikun jista’ jeħel materjal għar-reklami taħt l-Enclosure.