B’investiment ta’ €600,000, għaddejjin ix-xogħlijiet fuq il-binja magħrufa bħala ‘1903’ u l-proġett tal-fencing li jdawwar il-faċilitajiet sportivi fil-Marsa.
Waqt żjara fuq il-lant tax-xogħol, is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima spjega li l-inħawi tal-Kumpless Sportiv tal-Marsa se jinbidlu f’hub sportiv ta’ livell internazzjonali, b’diversi faċilitajiet.
Huwa stqarr: “Permezz ta’ pjan ħolistiku se jkun hemm upgrade tal-faċilitajiet illi permezz tiegħu dawn id-dixxiplini sportivi varji jkunu jistgħu jkomplu jikbru u jimmirħu f’dak li huwa ambjent sann, ambjent sigur, ambjent li permezz tiegħu bħala pajjiż inkunu nistgħu propju nitilgħu t-tarġa li jmiss f’dak li huwa livell sportiv.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar qal kif dan il-proġett li beda ftit xhur ilu, mistenni jkun lest sa Awwissu li ġej.
Cutajar: “Il-fencing sar kollu mill-ġdid, sewwa għat-tim tar-rugby kif ukoll, kif ukoll għall-assoċjazzjoni tal-baseball, però anke wkoll biex tipproteġi wkoll lill-golfers kollha li jkun qed jipprattikaw fiż-żona.”
Qal ukoll li l-proġett magħruf bħala White Building se jibda dalwaqt u dan il-post mistenni jintuża mill-Federazzjoni tal-Ġinnastika. Dan il-proġett mistenni jiswa ftit inqas minn sitt miljun ewro.