Sebgħa u sebgħin blokka t’oqsma tad-djar tal-Gvern f’16-il lokalità differenti se jkunu qed jibbenefikaw minn investiment ta’ erba’ mija u tletin elf ewro.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali, Roderick Galdes, waqt konferenza stampa li saret quddiem waħda mill-binijiet li se tkun qed tgawdi minn din l-iskema fil-Birgu. Din l-iskema se tkun qed titħaddem b’kollaborazzjoni mal-Kunsilli Lokali.
Il-Ministru Galdes spjega li din is-sena l-allokazzjoni għal dawn ix-xogħlijiet żdiedet. Filwaqt li sostna li kull ċenteżmu li jintefaq fuq dawn iż-żoni huwa investiment għaqli li juri ħidma favur il-ġid għall-familji Maltin u Għawdxin.
“Din is-sena erġajna żidna l-amont, żidna b’20% l-ammont allura kull blokka qed tibbenefika minn €6,000 ukoll marbuta mal-ammont ta’ appartamenti li għandhom l-inkwilini”
Is-Sindku tal-Birgu, John Boxall, qal illi fil-lokalità tal-Birgu, din l-iskema se tkun laħqet il-familji kollha li jgħixu fl-oqsma tad-djar filwaqt li sostna li qed iħares ‘il quddiem għal aktar kollaborazzjoni fi skemi simili.
“Naturalment naħseb dan l-investiment se jagħlaq il-kapitlu ħa ngħid hekk peress li fadal sebgħa biss li se jiġu rrestawrati u jingħataw dehera aħjar il-komuni ta’ dawn il-blokki”
Intant, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay qal li dan kollu juri kemm il-viżjoni li qed titwettaq fis-settur tal-akkomodazzjoni soċjali qiegħda toffri soluzzjonijiet varji lil familji bi ħtiġijiet differenti.