Fit-taqsima tal-mard infettiv tal-Isptar Mater Dei ssuktaw xogħlijiet strutturali biex tinbena sala speċjalizzata fejn se jkunu trattati pazjenti b’ każijiet rari ta’ infezzjoni li jkunu ta’ riskju ferm għoli li jinxtered fil-komunità.
Dan il-proġett qed isir b’investiment ta’ €1,700,000, li hu parzjalment iffinanzjat minn fondi Ewropej.
Waqt żjara fuq il-post, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne spjega li bit-taqsima li se jilqa’ fih pazjenti b’mard infettiv u b’hekk jiżolahom, pajjiżna se jkun ippreparat għall-eventwalità ta’ każijiet infettivi u razez patoġeniċi għolja tal-virus tal-influwenza.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa spjega: “Pazjenti b’mard infettiv ħafna u mhux biss Covid imma mard ħafna iżjed infettiv bħal pereżempju l-Ebola jekk allaħares qatt ikollna dawn il-każijiet ġewwa pajjiżna nkunu magħmulin sew biex nagħtu servizz lil dawn il-pazjenti.”
Il-Ministru għas-Saħħa qal li s-servizz ikun sigur mhux biss għall-pazjenti imma għal dawk kollha li jaħdmu fl-isptar biex b’hekk l-isptar Mater Dei ikun wieħed mill-ftit ċentri fl-Ewropa li jista’ jilqa’ dawn it-tip ta’ każijiet.
Ix-xogħlijiet qed isiru taħt il-lenti tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi filwaqt li d-disinn huwa mfassal minn esperti lokali u barranin b’kollaborazzjoni mal-esperti mediċi tal-Isptar Mater Dei.
L-Uffiċjal Kap Operattiv tal-FMS, Andrew Vella Zarb, spjega li biex din is-sala tikseb l-ogħla ċertifikat ta’ sigurtà kien jeħtieġ numru ta’ rekwiżiti strutturali u ta’ inġinerija addizzjonali minn swali oħra fl-isptar.
Huwa stqarr: “Din mhux biss toffri arja ppurifikata għall-pazjenti ġol-HDIU iżda anka tissalvagwardja s-saħħa u s-siġurtà tat-tobba u l-infermiera li jieħdu ħsieb il-pazjenti f’din il-unit.”