Xogħlijiet strutturali u ta’ rinovazzjoni f’diversi swali fl-Isptar Monte Karmeli issa ilhom għaddejjin ix-xhur u se jissoktaw. Dan bħala parti mill-pjan ta’ riġenerazzjoni tal-istess sptar.
Fi stqarrija, l-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa qal kif dan għall-kuntrarju ta’ stqarrija tal-Malta Union of Midwives and Nurses, MUMN, li pprovat tagħti l-impressjoni żbaljata li sal-lum ma sar l-ebda investiment u ma saru l-ebda xogħlijiet fl-Isptar Monte Karmeli.
Intqal kif intant, fil-ġimgħat li ġejjin se tinfetaħ sala kompletament rinovata, il-‘Female Dual Diagnostic Unit’, li se tilqa’ sa 12-il pazjent bi sfidi ta’ saħħa mentali relatati mal-użu tad-droga. Din is-sala ġiet iddisinjata b’aperturi u tagħmir anti-ligature kif ukoll b’żona esterna għar-rikreazzjoni sabiex il-pazjenti jkollhom l-aqwa kura f’ambjent sigur.
L-istqarrija qalet kif xogħlijiet estensivi għaddejjin f’żewġ swali oħra tan-nisa, FW2 u FW7, kif ukoll fi blokka sħiħa, Block 1, fl-istess sptar, li mistennija jitlestew sas-sena d-dieħla. Dan filwaqt li bdiet il-ħidma fuq ġnien ta’ rikreazzjoni għall-pazjenti żgħażagħ biswit is-sezzjoni tal-istess pazjenti, u fuq ġnien terapewtiku għall-pazjenti tal-isptar kollha, li se tieħu post Block 10, li wkoll mistennija jitlestew sas-sena d-dieħla.
Dan minbarra x-xogħlijiet kontinwi ta’ manutenzjoni li jkunu għaddejjin fl-isptar inġenerali minn jum għall-ieħor.
Temm billi qal kif dawn ix-xogħlijet estensivi qegħdin isiru b’investiment ta’ għexieren ta’ miljuni ta’ ewro.