Bdew ix-xogħlijiet fuq proġett fil-post fejn jiltaqgħu t-toroq bejn is-Siġġiewi u Ħaż-Żebbuġ fi Triq l-Imdina, wara li tfassal proġett biex ittaffi d-diffikultajiet tal-konġestjoni ta’ traffiku flimkien mar-riskji ta’ inċidenti f’din ir-rotta ewlenija.
Permezz ta’ dan il-proġett, li se jsir b’investiment ta’ madwar miljun ewro, l-Infrastructure Malta se tneħħi r-roundabout li hemm bħalissa sabiex minflokha jinħolqu korsiji diretti li jgħaqqdu r-rotot differenti li jaqsmu kontra xulxin f’dan is-salib it-toroq.
B’riżultat ta’ dan, il-ħin tal-ivvjaġġar f’din iż-żona mistenni jonqos b’madwar 30 fil-mija.
ONE News żar l-inħawi flimkien mal-Perit Raphael Abdilla, li huwa d-Direttur Eżekuttiv fuq il-Proġetti u l-Implimentazzjoni fi ħdan l-Infrastructure Malta.
Huwa spjega li l-aġenzija qed tagħmel l-aħjar użu tal-ispazju biex tiftaħ għadd ta’ korsiji ġodda.
Fil-fatt, parti minn Triq l-Imdina qrib l-istess post fejn illum hemm ir-roundabout se jkollha żewġ korsiji ġodda biex titwessa’ għal tliet korsiji f’kull direzzjoni. B’hekk, filwaqt li dawk li jkunu jridu jduru mis-Siġġiewi lejn Ħal Qormi u Ħaż-Żebbuġ, jew bil-kontra, ikunu jistgħu jużaw il-korsiji diretti, dawk li jkunu qed jaqsmu minn Ħaż-Żebbuġ lejn Ħal Qormi, jew bil-kontra, jkollhom żewġ korsiji tista’ tgħid iddedikati għalihom biss.
Huwa spjega wkoll kif se jkunu qed jaħdmu s-sistemi ta’ dawl tat-traffiku sabiex jipprijoritizzaw dawk il-karreġġjati li jkunu l-aktar qed jintużaw.
“Se jkunu qegħdin issettjati biex jagħtu prijorità fejn l-iktar tkun il-flow. Mela, jekk il-flow tkun iktar qawwija meta tiġi biex toħroġ minn dik il-korsija mis-Siġġiewi għal Ħal Qormi, se jagħtu prijorità lil dik filwaqt li se jkun hemm żewġ korsiji li jitilgħu għal Ħaż-Żebbuġ, u dawk se jkunu qed jalternaw fil-ħinijiet bejniethom.
Il-Perit Abdilla tkellem ukoll dwar l-andament tax-xogħlijiet tul il-proġett u spjega li bdew ix-xogħlijiet ta’ tħejjija fuq il-post.
“Il-fażi li qed naraw bħalissa,, qed inneħħu l-arbli u l-kurduni biex inkunu nistgħu nagħmlu l-ispazju. Ċertu xogħol qed isir matul il-ħin tal-lejl biex ma jtellifx it-traffiku tal-ġurnata. Ix-xogħol beda issa, hekk kif spiċċaw l-iskejjel, u huwa maħsub li jitlesta qabel l-aħħar ta’ Settembru.”
Dan m’huwiex l-ewwel titjib li l-Infrastructure Malta qed tagħmel f’din ir-rotta ta’ Triq l-Imdina, bejn Ħal-Qormi, is-Siġġiewi, u Ħaż-Żebbuġ. Filfatt, ftit ġimgħat ilu lestiet proġett ta’ kisi mill-ġdid u manutenzjoni ta’ Triq is-Siġġiewi, it-triq ewlenija lejn din il-lokalità. Flimkien ma’ dan, is-sena li għaddiet inbniet ukoll mill-ġdid il-karreġġjata fid-direzzjoni lejn in-Nofsinhar tal-parti ta’ Triq l-Imdina li tgħaddi mill-qalba ta’ Ħal Qormi, sabiex jitnaqqsu l-konġestjoni u t-tniġġis tal-arja f’din iż-żona wkoll.