Infrastructure Malta ser twettaq għadd ta’ xogħlijiet matul il-lejl fi Triq tal-Balal bejn in-Naxxar u San Ġwann, u fil-Marsa-Hamrun Bypass bejn il-mini ta’ Santa Venera u Triq Aldo Moro, bħala parti minn żewġ proġetti differenti biex titjieb il-kwalità u l-effiċjenza ta’ dawn ir-rotot ewlenin.
Dawn ix-xogħlijiet tat-toroq bil-lejl, bejn it-20:00 u s-06:00 tal-għada, ser jibdew it-Tnejn filgħaxija u jkomplu għaddejjin matul il-ġimgħa. Partijiet minn dawn it-toroq, u t-toroq li jingħaqdu magħhom, jistgħu jkunu magħluqa waqt dawn il-ħinijiet sabiex tiġi mħarsa s-saħħa u s-sigurtà ta’ dawk li jivvjaġġaw minn dawn it-toroq, u tal-ħaddiema. It-toroq ikunu miftuħin mill-ġdid kull filgħodu mis-06:00 ‘l hemm.
Uffiċjali tal-immaniġġjar tat-traffiku ser ikunu fl-inħawi sabiex jiggwidaw lill-pubbliku lejn rotot alternattivi. Dawk li jivvjaġġaw minn dawn l-inħawi għandhom isegwu d-direzzjonijiet temporanji, fosthom limiti ta’ veloċità mnaqqsa, li qed jiġu murija b’tabelli mal-ġnub tat-triq.Il-proġett ta’ titjib ta’ Triq tal-Balal jinkludi l-iżvilupp tat-tielet korsija matul it-triq kollha, sabiex titwessa’ l-karreġġjata li tagħti lejn in-nofsinhar, fid-direzzjoni minn Naxxar u l-Għarghur lejn San Ġwann. Infrastructure Malta qed tibni mill-ġdid ukoll l-erba’ roundabouts li hemm f’din it-triq, biex jiddaħħlu bypass lanes ġodda u konnessjonijiet aħjar bejn it-toroq li jingħaqdu flimkien f’dawn il-ħoloq. It-twessigħ tat-triq flimkien mat-titjib fir-roundabouts ser inaqqsu l-ħin tal-ivvjaġġar f’din ir-rotta kif ukoll f’għadd ta’ toroq li jinfdu fiha, fosthom Triq ta’ L-Ibraġ, li tgħaqqad l-inħawi ta’ L-Ibraġ u tal-Madliena fis-Swieqi ma’ San Ġwann u Triq M.Murray, li twassal mill-inħawi tal-Birguma u Tat-Tarġa fin-Naxxar, u mill-Għargħur, lejn Triq tal-Balal.
Il-ħidma fil-Marsa-Ħamrun Bypass, li bdiet aktar kmieni din is-sena, tinkludi l-bini mill-ġdid ta’ din it-triq arterjali b’erba’ korsiji, sabiex titwessa b’żewġ korsiji ġodda, waħda kull naħa. Waħda minn dawn iż-żewġ korsiji ser tneħħi x-xkiel hekk kif toħroġ mill-mini ta’ Santa Venera, fid-direzzjoni lejn il-Marsa. Bħalissa żewġ korsiji li joħorġu minn taħt il-mina jidjiequ għal korsija waħda, sitwazzjoni li toħloq ħafna diffikultajiet għal dawk li jkunu sejrin lejn in-nofsinhar tal-pajjiż. In-naħa l-oħra, fil-karreġġjata li mill-Marsa u Ħal Qormi twassal għall-mini ta’ Santa Venera u l-Bypass tal-Imrieħel, il-korsija ġdida li ser tiżdied b’dan il-proġett ser twassal biex minn Ħal Qormi tibqa’ għaddej dritt lejn l-Imrieħel mingħajr il-bżonn li taqleb minn korsija għal oħra. Dan ifisser inqas riskji ta’ aċċidenti.
Il-proġett jinkludi wkoll l-iżvilupp ta’ sistemi ġodda tat-tqassim tas-servizzi ta’ l-ilma, elettriku u telekomunikazzjoni u sistemi tad-drenaġġ, taħt il-livell tat-triq, il-bini mill-ġdid tas-central strip b’sistemi ta’ crash barriers u dwal ġodda, kif ukoll 1.7 kilometri ta’ bankini ġodda.
Aktar tagħrif jew għajnuna dwar dawn ix-xogħlijiet jistgħu jinkisbu minn Infrastructure Malta fuq 2334 1000 jew info.im@infrastructuremalta.com.