Il-membri tal-Korp tal-Pulizija laqgħu b’mod pożittiv il-ftehim settorjali li ġie ffirmat bejn il-Gvern u ż-żewġ unjins rappreżentanti tal-ħaddiema fil-Korp.
Waqt żjara fl-għases ta’ Bormla u Raħal Ġdid, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, Byron Camilleri ltaqa’ ma’ bosta Pulizija, fosthom tal-Komunità u tad-Distrett, fejn spjega kif dak imwiegħed qed jitwettaq permezz ta’ investiment fl-aqwa riżors – il-ħaddiem.
Dan il-ftehim se jissarraf f’kundizzjonijiet u pagi aħjar, flimkien ma’ drittijiet ġodda għall-Pulizija.
Is-Surġent Daniela Micallef, li taħdem bħala Pulizija fil-Komunità, qalet li dan il-ftehim iżid il-motivazzjoni fost il-Pulizija, li qed jaraw aktar apprezzament lejn il-ħidma tagħhom.
“Jiena xogħli nagħmlu minn qalbi hija xi ħaġa li taprezza, biex inti kull filgħodu tqum u tħossok aktar motivata biex dejjem tagħmel il-ħidma tiegħek b’mod aktar professjonali. Li tħossok apprezzata fix-xogħol li tagħmel hija importanti ħafna.”
Daniela Micallef – Surġent
Il-Ministru Byron Camilleri fakkar kif ma’ dan il-ftehim, għaddejja nefqa f’investiment kapitali bla preċedent.
Fl-aħħar snin, intefqu aktar minn ħmistax-il miljun ewro fuq proġetti ġodda biex il-Korp jibqa’ jkollu l-aqwa riżorsi, uniformijiet u ambjent minn fejn jaħdmu l-uffiċjali.
Dan apparti li l-Gvern implimenta inizjattivi ġodda b’rabta maż-żieda fil-pensjoni tas-servizz, u l-pensjoni tas-servizz għar-romol tal-uffiċjali.
“Jekk verament irridu li nkomplu ninvestu biex ikollna komunitajiet aktar siguri, jeħtieġ ninvestu fl-aqwa riżors li għandna – il-ħaddiem. U hekk għamilna matul dawn is-snin kollha u hekk qed nagħmlu llum, b’hekk jien sodisfatt ħafna li b’dan il-ftehim qed inkomplu ntejbu d-drittijiet u l-kundizzjonijiet tal-membri tal-Korp tal-Pulizija.”
Byron Camilleri – Ministru