Żvolta ġdida fil-każ tal-mewt ta’ Zach Meli, iż-żagħżugħ ta’ 24 sena mill-Ibraġġ li kmieni l-Ħadd filgħodu tilef ħajtu f’argument li nqala’ f’Paceville. Denis Davko ta’ tmintax-il sena mill-Bulgarija li kien mistenni jitressaq il-Qorti t-Tnejn inħeles bil-police bail wara li l-pulizija ġiet mgħarrfa bir-riżultati tal-awtopsja.
ONE NEWS jinsab informat li r-riżultati tal-awtopsja li saret kmieni t-Tnejn filgħodu wrew li ma kienx hemm sinjali ta’ vjolenza fuq iż-żagħżugħ mill-Ibraġġ.
Sorsi qrib l-investigazzjonijiet tal-pulizija żieda jgħidu li matul il-jum, l-investigaturi waslu biex jistabbilixxu fatti ġodda u bil-wisq differenti minn dawk li allegatament kienu rrapportati matul il-jum tal-Ħadd fosthom li ż-żagħżugħ miet b’daqqa’ ta’ ponn f’rasu.
Fil-fatt l-istess sorsi qalu li minn filmati li l-Pulizija rnexxielha tikseb minn stabbiliment fil-qrib, Meli ma tantx deher f’sikktu u mhux eskluż li seta’ kien taħt l-effett ta’ xi sustanzi.
Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li l-awtopsja li saret fuq il-katavru ta’ Meli sa issa rriżultat li kienet inkonklussiva u li kienu se jsiru aktar testijiet sabiex tiġi stabbilità r-raġuni tal-mewt tiegħu.
Madankollu, ir-riżultati tal-awtopsja wrew li Meli ma kellu l-ebda marki ta’ vjolenza jew daqqiet li setgħu wasslu għall-mewt tiegħu.
Sorsi qrib l-investigazzjonijiet qalu li l-Pulizija qed tkompli tevalwa bir-reqqa l-filmati tal-kameras tas-sigurta ta’ diversi ħwienet li hemm fl-inħawi u qed tkompli tkellem għadd ta’ xhieda li raw b’għajnejhom dak li tabilħaqq seħħ fi Triq Santu Wistin kantuniera ma’ Sqaq Santa Rita.
L-istess sosrsi qalu li Meli allegatament deher jitgħaweġ diversi drabi qabel l-inċident u mhux eskluż li seta’ ħoloq ukoll kommosjoni b’stabbiliment li joffri servizz ta’ kiri ta’ karozzi. Mhux eskluż ukoll li kienu l-Bulgari li talbu l-ewwel għall-assitenza tal-pulizija wara li allegatament it-tfajliet li kienu magħhom kienu qegħdin jiġu ffastidjati minn Meli.
Riżulta ta’ dan, il-Pulizija qalet li Denis Davko li kien qed jinżamm b’rabta mal-mewt ta’ Zach jinsab fuq police bail sakemm il-pulizija tkompli bl-investigazzjonijiet tagħha.
Intant dwar il-mewt taż-żagħżugħ Zack Meli tqajjmet ukoll diskussjoni fil-Parlament.
Fi stqarrija ministerjali d-deputat Prim Ministru Chris Fearne appella għall-kawtela fir-rappurtaġġ tal-media. Qal li f’dan il-mument ma jistax ikun hemm spekulazzjonijiet li jistgħu jaffettwaw l-inkjesta maġisterjali.
Id-deputat Prim Ministru elenka ukoll il-fatti stabbiliti sa issa dwar dan il-każ kif ser nisimgħu f’din is-silta mill-Parlament.