Kienu bosta kanzunetti li sawrulna s-sena u taffew naqra mis-skiet itarrax li għexna minkejja li x-xena mużikali rat weġgħa ta’ qalb hekk kif il-purtieri tal-bellus għalqu għal kollox, l-udjenza baqgħet id-dar u l-mużika nstemgħet wara bibien magħluqa.
Din il-kamra tal-aħbarijiet tkellmet ma’ Louis Vella, DJ ma’ ONE Radio li stqarr li din is-sena x-xena mużikali kienet waħda fqira.
Vella qal, “Il-fattur pandemija naħseb kien il-fattur ewlieni li din is-sena l-entertainment mużikali ma kienx b’saħħtu daqskemm kien fil-passat.”
Vella magħna sostna li l-kanzunetta ‘Blinding Lights’ iddominat ix-xena mużikali għal diversi xhur tant li għamlet tmien ġimgħat sħaħ bħala l-ewwel kanzunetta fuq il-klassifika. Minkejja dan, The Weeknd ma kienx nominat fl-ebda kategorija tal-Grammys.
Id-DJ spjega, “Naħseb baqgħet ta’ The Weeknd ‘Blinding Lights’. Naħseb l-ewwel erba’, ħames xhur tas-sena ddominat, kienet b’saħħitha wisq. Għalkemm Lady Gaga u Miley Cyrus kellhom però naħseb dik kienet bħala kanzunetta.”
ONE News reħilha lejn it-toroq tal-Belt sabiex nistaqsu lill-pubbliku dwar l-aktar li laqtet lilhom din is-sena.
Żagħżugħ minnhom qalilna, “Blinding Lights naħseb l-aħjar.”
Persuna oħra qalet, “Dance Monkey ta’ Tones and I.”
Dan filwaqt li xi ħadd ieħor qal, “POV, Point of View.”
“Heather ta’ Conan Grey.” Qaltilna persun oħra.
Żagħżugħa oħra qalet, “Positions naħseb.”
“X’inhu l-Milied Għalik ta’ The Travellers.” Qalilna żagħżugħ ieħor.
Id-DJ Louis Vella nnota entużjażmu kbir sabiex fis-sena elfejn wieħed u għoxrin ix-xena tqum fuq is-saqajha u tagħmel tajjeb għas-sena elfejn u għoxrin.
“Nemmen li ħa jkun hemm entużjażmu u l-aħħar tliet xhur ta’ din is-sena juruk illi diġà hemm ċertu ottimiżmu meta tibda tara ċertu bands illi xorta l-materjal tagħhom għalkemm waqqfuh u issa mbagħad reġgħu ħarġuh jagħti indikazzjoni li hemm ċertu ottimiżmu li l-elfejn wieħed u għoxrin mużikalment tkun waħda aħjar minn din.” Temm jgħidilna Vella.