Illum 10 ta’ Diċembru, 2018, għal xi 4.00pm kont ġej mill-Imrieħel u niġbed lejn il-Marsa. Sa ftit ilu bħal dan il-ħin kont issib it-traffiku staġnat, u bil-kemm tista’ tgħaddi, u ċlikki ċlikki. U dan meta tagħżel it-toroq li huma magħrufin bħala regional roads, li suppost iħaffu t-traffiku.
Illum nista’ ngħid bi pjaċir u sodisfazzjon li dak ix-xogħol li sar fit-toroq li jieħdu lejn in-naħat t’isfel ta’ Malta qed jissarraf fi traffiku aħjar, u mhux biss fil-ħinijiet inkrepattivi bħal ma hu l-Erbgħa ta’ waranofsinhar u n-nies tkun sejra lejn id-dar.
U dik l-aħbar li dehret fuq one.com.mt hija minnha u n-nies jafuha bl-esperjenza tagħhom, bħal ma ġiet l-esperjenza tiegħi llum stess.
Imma dejjem jibqa’ x’isir u ħażin jekk nistrieħu fuq il-kuruni tar-rand tal-glorja ta’ dak li sar, għax ir-rand malajr jinxef.
Fil-fehma tiegħi hemm bżonn li jkun hemm daqqa t’għajn lejn it-traffic lights, għax kultant f’ċerti inħawi joħoqlu problemi, u mhux żgħar.
Ħalli nibda minn dik tal-Imsida li tieħdok għal Mater Dei, l-Università eċċ. Meta jieqfu l-karozzi li ġejjin minn Birkirkara mal-wied, dawk li suppost jitilqu ħalli jitilghu t-telgħa tal-Università jibqgħu xorta jistennew, u jdumu ftit. Karozzi weqfin iħarsu lejn xulxin. Nemmen li hemm bżonn li jkun hemm aktar ħeffa għal karozzi, u ġieli ambulanzi li jridu jitilgħu lejn Mater Dei, u billi jkunu sinkronizzati aħjar, ma naħsibx li trid għerf kbir. L-istess min-naħa l-oħra meta jkunu neżlin għall-Imsida. Fl-opinjoni tiegħi din verament teħtieġ attenzjoni.
Oħra fil-Furjana Triq Sant’Anna. Meta l-karozzi jiġu biex iduru lejn l-Excelsior Hotel, dejjem triq miżduda. Il-vetturi jkunu sejrin direzzjoni waħda u cioe` ‘l isfel. Bid-dawl jaqleb, imma mgħaġġel, il-vetturi ż-zgħar spissjimxu b’pass ta’ nemlu. Umbagħad kapaċi jsibu d-dawl ieħor li qed iwaqqaf għax għaddejjin it-turisti jaqsmu. Id-difett jinsab f’li Triq ta’ Sarrija ngħalqet għal vetturi zgħar, biex taparsi jħallu triq libera għal tal-linja. Jien persważ li jekk tinfetaħ ta’ Sarrija mill-ġdid għall-karozzi privati, u Sant’Anna jħallu li bħal dari jgħaddu wkoll uħud minn tal-linja, jkun hemm tqassim aħjar. Ikun ukoll konvenjenti għal min irid imur fil-qalba tal-Furjana u mhux lejn Balzunetta. Ġieli ddum tistenna għax taparsi ġejja tal-Linja minn triq Sarrija u ma jkun ġej xejn. Persważ li hemm diversi Ministri li jafu b’din il-problema.
Hemm irkejjen oħrajn fejn it-traffic lights aktar joħolqu serbut ta’ karozzi warajhom, u traffic jams.
Hemm ukoll l-area bejn il-Bombi u l-Blata l-Bajda. Hemm stennija żejda, u hemm taħwid ta’ dwal. Għala meta jieqfu dawk ġejjin mill-Belt, dawk li ġejjin mix-Xatt u mill-Ħamrun ma jimxux flimkien? Hemm distanza biżżejjed li kulħadd iżomm l-lane tiegħu.
U forsi wasal iż-żmien li jkun hemm traffic lights oħrajn biex jgħinu l-karozzi tal-linja joħorġu mill-venda. Mhux kulħadd jipprova jisraq pass. Hekk kienet fl-imgħoddi r-roundabout ta’ ħdejn iċ-Ċimiterju.
Huma n-nies li jridu jiġbdu l-attenzjoni fuq problemi bħal dawn. Bit-tgergir biss ma ssolvi xejn.