L-iktar midja soċjali jew pjattaforma online popolari mal-Maltin tibqa’ l-Facebook. Dan huwa l-każ ukoll f’ħafna pajjiżi oħra, għalkemm f’Malta s-saħħa tal-Facebook għadha waħda qawwija ħafna.
Dan joħroġ minn studju tal-Ewrobarometru kkummissjonat mill-Parlament Ewropew. L-Ewrobarometru huwa l-istrument li jużaw l-istuzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea biex ikun magħruf b’mod regolari l-istat tal-fehma pubblika fl-Unjoni.
Minn dan l-istħarriġ jirriżulta li, filwaqt li 67 fil-mija tal-Ewropej qalu li użaw il-Facebook fl-aħħar sebat ijiem qabel ipparteċipaw fl-istħarriġ, f’Malta din ir-rata titla’ għal 91 fil-mija.
Fl-istudju, 61 fil-mija qalu li użaw il-WhatsApp, l-istess bħal medja Ewropea. Il-Messenger kienu 67 fil-mija li qalu li użawh, u 59 fil-mija qalu li jużaw il-YouTube. L-Instagram popolari wkoll, b’41 fil-mija. F’pajjiżna t-TikTok diġà sar popolari iktar mit-Twitter.
Naturalment, ix-xejriet ivarjaw skont l-etajiet, għalkemm l-ikbar skop ta’ din l-għodda tibqa’ l-komunikazzjoni bejn l-individwi, segwita mill-ħtieġa għat-tagħrif.
Intant, li l-Maltin illum saru jfittxu ħafna aħbarijiet online huwa sigriet magħruf u jirriżulta minn kull stħarriġ li jsir. Li hu interessanti wkoll fl-iktar sħarriġ riċenti tal-Ewrobarometru hu li 80 fil-mija tal-Maltin jużaw l-ismartphone biex jagħmlu dan. Din hijs s-sitwazzjoni wkoll fil-bqija tal-pajjiżi Ewropej, hekk kif il-mobile modern ħa post il-laptop jew il-kompjuter tradizzjonali, għalkemm il-kompjuter għadu b’saħħtu wkoll, b’57 fil-mija. 25 fil-mija jużaw it-tablet u 13 fil-mija s-smart TV.
Intant, jirriżulta li meta wieħed jaqra l-aħbarijiet online it-titlu huwa l-iktar ħaġa li tinfluwenzah jekk jaqrax l-artiklu jew le. Fl-istess waqt, il-fiduċja fis-sors u ritratt li jiġbed l-għajn huma raġunijiet oħra għaliex wieħed jagħżel li jaqra artiklu.