Karl Izzo huwa l-kowċ tat-team nazzjonali Malti tal-waterpolo. Ridna nkunu nafu r-riżoluzzjonijiet tiegħu wkoll…
1.X’taħseb fuq ir-riżoluzzjonijiet?
Ir-reżoluzzjonijiet minn meta konna żgħar kienu dejjem affarijiet li konna nagħmluhom ovjament fl-aħħar tas-sena għall-bidu tas-sena l-ġdida. Is-soltu tagħmilhom u 99% ma żżommhomx, imma għall-inqas tkun tipprova tagħmilhom, tiddeċidihom biex tkun tista’ tagħmel xi ħaġa ġdida, xi ħaġa li tkun trid tagħmel għas-sena li ġejja.
2.Żammejt mar-riżoluzzjonijiet li għamilt fil-bidu tal-2016?
Ftit li xejn, ftit li xejn. Jiena dejjem nipprova ovvjament. Ir-reżoluzzjoni tiegħi ovvjament dejjem tkun li nkun iktar id-dar mal-familja, nagħti inqas dedikazzjoni għall-isport u iktar ħin għall-familja, u iktar u iktar li nibda nerġa’ nipprova nipprattika xi forma ta’ moviment ta’ sport biex inkun nista’ nżomm daqsxejn il-piż iktar rispettabbli.
3.X’riżoluzzjonijiet se tagħmel għas-sena 2017?
Jien peress li jien kowċ u suppost inkun ta’ eżempju lejn il-plejers tiegħi, nipprova nżomm forma fiżika aħjar milli għandi, nipprova dejjem ngħaddi daqsxejn iktar ħin li huwa dovut lejn il-familja tiegħi u ovvjament nipprova wkoll nagħmel iktar ħin biex inkun nista’ ngħin lil min hu inqas ixxurtjat minni, min jista’ forsi nressaq daqsxejn xi nies oħra lejn l-isport bħala ambaxxatur tal-isport ta’ Malta u nipprova nagħmel milli nista’ biex inkun nista ngħin lil ta’ madwari.