Il-Ġimgħa, l-aħwa George u Alfred Degiorgio ntbgħatu 40 sena ħabs wara li wieġbu ħatja għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Dan wara li fl-ewwel jum tal-ġuri, sar patteġjament bejn l-Avukat Ġenerali, f’isem l-Istat u d-Difiża tal-akkużati bi qbil mal-Parte Civile, f’isem il-familja ta’ Daphne Caruana Galizia.
Dwar l-iżviluppi sinifikanti li seħħew b’rabta ma’ dan il-każ, ONE News, b’mod virtwali intervista lill-Avukat u l-Kap tad-Dipartiment tal-Liġi Kriminali fl-Università ta’ Malta, Dr. Stefano Filletti.
Huwa spjega kif il-liġi ta’ Malta tagħti lok biex isir patteġjament hekk kif dan jassigura li l-kors tal-ġustizzja ikun wieħed aktar effettiv u effiċjenti bil-kundizzjoni li dan jista’ jsir biss jekk issir ammissjoni.
Huwa qal, “Dan il-patteġjament huwa importanti għaliex huwa rikonoxxut illi fl-ewwel lok jagħti garanzija ta’ riżultat, għax inti f’ġuri qatt ma jkollok iċ-ċertezza ta’ riżultat garantit, kollox jista’ jiġri fil-ħajja, fil-Qorti dejjem għandek elementi tas-sorpiża. Bil-patteġjament inti għandek il-garanzija ta’ riżultat partikolari għaliex irid ikun hemm l-ammissjoni għal patteġjament.”
Madankollu, l-Avukat Filleti nnota li normalment meta jkun se jsir patteġjament, isir rikors fil-Qorti jiem qabel jibda l-ġuri fejn jingħad li ma jkunx hemm għalfejn li jsir il-ġuri minħabba l-patteġjament.
Iżda, b’differenza f’dan il-każ il-Qorti kienet infurmata bil-patteġjament wara li nbeda il-ġuri.
Spjega, “Punt partikolari ta’ dan il-ġuri kien illi l-patteġjament sar wara li nbdiet il-fażi differenti tal-ġuri. Is-soltu l-patteġjament isir qabel ma’ jiġi pereżempju mqegħdin hemmhekk il-ġurati.”
L-avukat Filletti żied jgħid li l-liġi ta’ Malta tipprovdi li patteġjament isir bejn l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u d-Difiża biss. Madankollu hija prassi normali li jaqblu wkoll il-parte civile li jirrapreżentaw il-familja tal-vittma, bħalma ġara f’dan il-każ.
L-avukat Filletti spjega, “Però bħala mod ta’ kif jaħdem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, huwa dejjem jinvolvi l-Parte Civile, il-vittma jew il-familja tal-vittma meta jkun qed jippatteġja biex ikollu serħan il-moħħ ukoll illi fil-konfront tal-vittmi jew familji tal-vittmi huma kuntenti u qed issir ġustizzja magħhom.”
Wara li saret l-ammissjoni u daħal fis-seħħ il-patteġjament, il-Qorti marret għall-verdett tagħha, fejn l-aħwa Degiorgio ġew ikkundannati erbgħin sena ħabs u mmultati kważi tlieta u erbgħin elf ewro kull wieħed.
Minn din is-sentenza issa jrid jitnaqqas il-perjodu li l-akkużati kienu taħt arrest preventiv sakemm ingħatat is-sentenza.
F’dan il-każ l-aħwa Degiorgio ilhom arrestati minn Diċembru tal-2017.
Il-Kap tad-Dipartiment tal-Liġi Kriminali fl-Università ta’ Malta, stqarr magħna kif wara li jitnaqqas dan iż-żmien u l-akkużati jiddaħħlu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin jibdew japplikaw ir-regolamenti tal-ħabs li jistgħu jaraw din is-sentenza tiqsar.
Huwa tenna, “Meta jmur il-ħabs imbagħad jiskattaw ir-regoli tal-ħabs, jiġifieri imbagħad hemm ir-regolamenti tal-ħabs, ta’ kif wieħed għandu jikkalkula dawk l-erbgħin sena jew li jifdal wara li jitnaqqas ovvjament il-perjodu preventiv. Ħafna nies jafu li bejn wieħed u ieħor terz ta’ dak l-ammont jitnaqqas awtomatikament skont ir-regoli tal-ħabs imma imbagħad hemm regoli oħra li jiddettaw kif għandek tagħmel dawk l-erbgħin sena.”
B’dan l-iżvilupp issa hemm tliet persuni li nstabu ħatja b’rabta ma’ dan il-qtil hekk kif fi Frar tas-sena l-oħra, Vince Muscat il-‘Koħħu’ kien weħel 15-il sena ħabs għall-involviment tiegħu f’dan il-qtil.
Tliet persuni oħra jinsabu akkużati wkoll b’rabta ma’ din il-qtil fosthom l-allegat mandant u min allegatament forna l-bomba li ntużat biex inqatlet Caruana Galizia.