Kien għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ filgħodu, meta l-mexxejja tal-Istati membri tal-Unjoni Ewropea qablu dwar it-triq ’il quddiem fil-qasam tal-enerġija.
Wara sigħat twal ta’ negozjati, il-mexxejja Ewropej qablu kemm dwar ix-xiri volontarju tal-gass b’mod konġunt kif ukoll fuq li jkun hemm qafas temporanju tal-Unjoni Ewropea għal limitu massimu fil-prezz tal-gass.
Sal-bidu tas-sena d-dieħla jrid isir punt ta’ riferiment kumplimentari ġdid li jirrifletti b’mod preċiż il-kundizzjonijiet fis-suq tal-gass.
Il-ftehim jinkludi wkoll titjib tal-funzjonament tas-swieq tal-enerġija sabiex tiżdied it-trasparenza, sabiex b’hekk jittaffa l-istress tal-likwidità u jiġu eliminati fatturi li jżidu l-prezzijiet tal-gass.
Il-mexxejja Ewropej qablu wkoll dwar miżuri għas-solidarjeta tal-enerġija f’każ li tieqaf il-provvista tal-gass fil-livell nazzjonali, reġjonali, jew tal-Unjoni Ewropea.
Dan il-ftehim se jwassal għal miżuri konkreti sabiex l-Unjoni Ewropea tiġġieled il-kriżi tal-enerġija, li splodiet ’il fuq il-prezz tal-gass fl-Ewropa.
Fix-xhur tax-xitwa, il-kriżi tal-enerġija fl-Ewropa se tkompli tintensifika, u se jkun hemm familji li jridu jagħżlu jekk għandhomx jixtru affarijiet biex jieklu jew biex iħallsu l-kontijiet biex isaħħnu djarhom.
Din il-kriżi tal-enerġija qed isseħħ minħabba l-gwerra fl-Ukrajna., minħabba li 40 fil-mija tal-provvista tal-enerġija ġġenerata bil-gass lejn l-Ewropa kienet ġejja mir-Russja. Bi sforzi li saru fl-aħħar xhur mill-Unjoni Ewropea, il-provvista tal-gass mir-Russja tnaqqset għal taħt l-10 fil-mija.
Dan l-isforz sar minħabba li r-Russja ta’ Vladimir Putin qed tuża l-enerġija bħala arma kontra l-Ewropa, b’reazzjoni għall-pakketti ta’ sanzjonijiet min-naħa tal-Unjoni Ewropea kontra l-Kremlin.
Il-mexxejja Ewropej qablu li l-Unjoni Ewropea se tibqa’ magħquda sabiex tħares lill-familji u n-negozji Ewropej u tieħu l-miżuri urġenti meħtieġa.
Apparti minn hekk, is-27 mexxej Ewropew qablu wkoll li l-Istati membri għandhom iżidu l-investimenti fl-effiċjenza tal-enerġija u f’infrastruttura tal-enerġija li tibqa’ valida fil-futur, fosthom dik tal-interconnectors.
Dan il-ftehim fil-Kunsill Ewropew wassal biex tbaxxa l-prezz tal-gass fl-Ewropa matul il-jum tal-Ġimgħa.
Fil-kuntest ta’ din il-kriżi, dan l-aħħar Malta ġabet żewġ derogi importanti. Fl-aħħar ta’ Lulju, Malta kisbet eżenzjoni minn regolament obbligatorju tal-Kummissjoni Ewropea biex l-Istati membri tal-Unjoni Ewropea jnaqqsu sostanzjalment l-użu tagħhom tal-gass. Barra minn hekk, fl-aħħar ta’ Settembru, Malta kisbet deroga oħra minn liġi Ewropea li tistipula tnaqqis ta’ bilfors fl-użu tal-elettriku.