Kull sena, partikolarment f’Ottubru, b’xi mod jew ieħor kulħadd jisma bil-Budget.
Min jisma’ d-diskors tal-Ministru tal-Finanzi, min isegwi aħbarijiet dwaru u min saħansitra jilmaħ xi reklam jew xi aħbar dwar il-miżuri ewlenin li jitħabbru.
Żgur mhux forsi, il-Budget jiġbed ħafna opinjonijiet u reazzjonijiet, madankollu x’ħidma tiskatta biex jiġu implimentati l-miżuri kollha li jkunu inqraw f’diskors ta’ madwar sagħtejn u nofs?
Propju ftit jiem wara li nqara l-Budget għas-sena d-dieħla, ONE News iltaqa’ mas-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Tony Sultana sabiex jistħarreġ aktar dan il-proċess.
F’intervista, is-Sur Sultana spjega l-ewwel ħaġa li ssir wara li jinqara l-Budget u l-ippjanar li jsegwi.
“Il-ħidma bdiet mill-għada tal-Budget. It-tim tal-implimentation unit flimkien ma’ kollegi oħrajn bdew jaraw id-diskors twil tal-Budget li fih ’il fuq minn 100 paġna, bdew jisiltu l-miżuri li joħorġu minn dak l-ispeech, u bdew iqassmuhom biex imorru għand il-ministeri. Issa dawk il-miżuri għand il-ministeri jikkonfermaw li huma vera tagħhom jew inkella jinqasmu ma’ dipartimenti oħrajn imma l-għan ewlieni huwa li kull miżura jkollha pjan dettaljat u li jgħid f’kull quarter kemm se jittella’ xogħol kull miżura.”
Wara dan il-proċess is-Sur Sultana spjega li t-taqsima tal-implimentazzjoni tibda tiġbor rapporti dwar il-progress fl-implimentazzjoni ta’ kull miżura.
“Meta jsir hekk kull xahar umbagħad jibdew jagħtu l-progress ta’ kull miżura. Dawn jinġabru mill-implimentation unit u jingħata rapport ‘qed isir f’kull xahar. Hekk ikollna l-viżibbiltà ta’ kull miżura u l-progress li qed isir.”
Dan jinkludi mhux biss progress ta’ miżuri fil-Budget li tħabbru għas-sena d-dieħla iżda oħrajn passati u miżuri addizzjonali li jkunu ġew miżjuda apparti dawk tal-Budget.
“Ikun hemm il-miżuri li jkunu ħarġu minn dan il-Budget. Miżuri li jirreferu għal miżuri li ħarġu mill-Budget l-ieħor u jkunu overlapping. Iktar minn hekk inżidu miżuri addizzjonali li mhux bilfors kienu fil-Budget speech issa imma jkun hemm bżonnhom matul iż-żmien. Apparti minn hekk noħolqu wkoll miżuri ta’ simplifikazzjoni li aħna naraw li jkun hemm bżonn isiru.
Is-Sur Sultana temm jgħid li tant jittieħed b’serjetà dan il-proċess li r-rapport tal-progress tal-miżuri jittella’ f’livell ta’ Kabinett.
“Tant tittieħed bis-serjetà li r-rapport u l-istatus biex nifthemu hekk ta’ kull miżura. Titla’ f’livell ta’ Kabinett biex hemmhekk kulħadd ikun jaf fejn waslu l-miżuri.”
Ir-rata ta’ implimentazzjoni fl-aħħar Budget laħqet is-77% hekk kif b’kollox twettqu 324 miżura. Dan ifisser 4% aktar mir-rata medja ta’ twettiq fl-aħħar fisa snin.
Dan minkejja sfidi internazzjonali li xekklu mhux ftit il-ħidma governattiva ta’ ħafna pajjiżi u żieda l-piż fuq popolazzjonijet ewropej.