Sitwazzjoni interessanti daqs kemm tista’ tkun stressanti li tkellem dwarha l-Ministru Owen Bonnici waqt konferenza dwar il-liġi tal-familja, bħala parti mill-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-UE.
Biex f’sitwazzjonijiet bħal dawn ikun hemm l-inqas tbatija possibbli, importanti li pajjiżi jaqsmu l-aqwa prattiċi dwar l-istrumenti li diġà hemm fis-seħħ. Hemm oqsma importanti bħall-obligu tal-manteniment, ir-responsiblitajiet tal-ġenituri fis-separazzjoni u d-divorzju, u ki dawn ikunu implimentati bl-aqwa mod f’kull stat membru.
Il-Ministru spjega li dawn il-liġijiet jipproteġu l-aqwa interess tat-tfal, li huma l-ħsieb aħħari wara kull strument legali.
Huwa propju fuq l-interess tat-tfal li qed issir reviżjoni tal-liġi attwali bl-isem Brussels IIa. Fost oħrajn hemm propost li t-tfal jingħataw widen f’każijiet ta’ separazzjoni, divorzju, u responsabiltà tal-ġenituri.
Il-Ministru Bonniċi qal li taħt Presidenza Maltija saret ħafna ħidma fuq ir-reviżjoni ta’ din il-liġi, tant li issa qed issir it-tieni eżaminazzjoni tal-proposti biex il-kontenut ikun mibdul.
Dan dejjem bit-tama li tfal li jsibu ruħhom f’każijiet ta’ kunflitt bejn ġenitur u ieħir f’żewġ pajjiżi jkunu mħarsa. Mhix biċċa xogħol faċli, meta tqis li hemm standards u sistemi legali differenti għal kull pajjiż.
Il-Ministru Bonnici semma l-importanza tal-medjazzjoni, u fil-każ ta’ Malta qal kemm dan il-pass qed ikun suċċess. Tant li qed ikun introdott f’oqsma ġodda bħal każijiet dwar kera.