Telefonata li ssir fuq il-linja tal-emerġenza 112, u tkun tirrikjedi l-assistenza tal-Pulizija, tieħu biss medja ta’ tliet sekondi biex tiġi mwieġba.
Dan qalulna l-Ispettur Antoine Cilia, responsabbli mill-Command and Control Room tal-Pulizija, f’intervista li għamilna miegħu dwar il-ħidma li ssir fi ħdan din it-Taqsima.
Fil-kamra li sservi bħala l-ewwel punt ta’ kuntatt tal-pubbliku mal-Pulizija, l-Ispettur Cilia nnota l-ħidma li ssir mal-pubbliku li jkun irid jagħmel kuntatt mal-Pulizija b’mod telefoniku jew elettroniku.
“Il-membri hawnhekk nirrispondu ammont ta’ telefonati li jidħlu kuljum kif ukoll diversi mezzi soċjali bħal Facebook Messenger fejn jidħlulna rapporti, complaints u anki informazzjoni.”
It-telefonati li jidħlu jkunu jirrikjedu għajnuna differenti, bħal per eżempju rapporti li jistgħu jieħdu ħsiebhom tal-Għassa, u oħrajn akbar li jkunu jirrikjedu l-assistenza tar-Rapid Intervention Unit, u f’ċertu każi, anki tal-Ispecial Intervention Unit.
Kif dħalna fil-kamra, mill-ewwel ġibdet l-għajn mappa kbira fuq skrin li tagħti stampa ċara lil dawn l-uffiċjali ta’ fejn qegħdin l-assi tal-Korp fit-triq, jiġifieri l-vetturi li jirrispondu l-ewwel fuq dawn ir-rapporti.
“Dik hija d-data track tal-vetturi kollha tal-Korp, l-assets kollha, li jinkludu anki d-dgħajjes, fejn ikun hemm bżonn inkunu nafu liem karozza jew liema asset tkun l-iktar viċin li tista’ tirrispondi iktar malajr.”
Kuljum, f’din il-kamra, jidħlu mijiet ta’ telefonati.
Fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena biss, ġew imwieġba aktar minn erbgħin elf telefonata, mis-sebgħa u għoxrin uffiċjal li bejniethom iżommu s-servizz għaddej erbgħa u għoxrin siegħa kuljum.
“Matul l-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena, kellna ’l fuq minn erbgħin elf telefonata, u kienu varji, fejn kien hemm sejħiet għall-għajnuna, rapporti ta’ reati kriminali, kif ukoll informazzjoni, jew anki calls li ma jkollhom x’jaqsmu xejn mas-servizzi li noffru aħna bħala Korp.”
Fuq in-nota tal-aħħar kumment, l-Ispettur fakkar li n-numri tal-emerġenza qegħdin hemm – isimhom magħhom – għal każi ta’ emerġenza, u għalhekk appella għall-użu għaqli minn dawn is-servizzi.
“Kemm il-112 kif ukoll il-119, il-119 huwa crime stop u l-112 huwa l-emerġenza, huma numri importanti ħafna li ma naħlux ħin fuqhom. Dawn iridu jintużaw biss f’każi ta’ emerġenza jew il-119 f’każ li qed tirrapporta reat li qed jiġri dak il-ħin stess. In-numri l-oħra tal-Korp li huma ġenerali u jinsabu fuq il-mezzi soċjali kollha, jintużaw għal bniedem li jrid jagħmel kuntatt mal-Korp. Issa, meta xi ħadd qed jirrapporta inċident, l-importanti li jkollna informazzjoni tajba u jkunu konċiżi.”