L-Iżvezja ilu jesperimenti b’sitt sigħat xogħol fil-ġimgħa minflok tmienja. Sigħat li jippermettu lill-ħaddiema jaħdmu inqas u jibqgħu jaqilgħu l-istess. Gothenburg City Council għadu kemm temm żmien ta’ sentejn prova b’din is-sistema, u r-riżultati huma kemm pożittivi kif ukoll negattivi.
Għalkemm għad irid ikun preżentat rapport strutturat, l-ewwel indikazjonijiet fost infermiera juru li dawn ibbenefikaw f’ċertu aspetti. Per eżempju, irrapportaw inqas sick leave, kellhom perċezzjoni aħjar ta’ saħħithom, u kienu aktar produttivi. Żiedu, per eżempju, l-attivitajiet lill-pazjenti tagħhom b’85%. Infermiera stqarret mal-BBC li ħassitha aktar enerġetika, u setgħat tinnota li kulħadd kien aktar kuntent.
Madanakollu, il-proġett irriżulta kompletament mhux sostenibbli, u ħafna kritika kienet ibbażata fuq il-fatt li ma kienx sens ikompli b’perjodu ta’ prova għal xi ħaġa li ma tistax tkun sostnuta fit-tul. Tant hu hekk li l-partit ċentru-lemini għamel mozzjoni biex il-perjodu ta’ prova jintemm qabel. Għalkemm dan ma seħħx, il-proġett qam xejn inqas minn 12-il miljun kronor, ftit iktar minn miljun ewro.