Fl-Eden Arena f’San Ġiljan bħalissa qed titlaqqa’ l-Konferenza Ġenerali Straordinarja tal-Partit Laburista. F’din il-konferenza se jiġi diskuss il-manifest elettorali li l-Partit Laburista se jkun qed ipoġġi quddiem l-elettorat u se jkun qed jittieħed vot biex dan il-manifest jiġi approvat.
Kif tenna l-Prim Ministru fid-diskorsi tiegħu, fi kliemu dan il-manifest huwa superjuri għal dak li tpoġġa quddiem il-poplu fl-elezzjoni tal-2013. Manifest elettorali li huwa bbażat fuq erba’ prinċipji ewlenin: l-ugwaljanza, l-mobiltà soċjali, l-ġustizzja soċjali u l-għaqda.
Manifest li minkejja li qed jipproponi wegħdi ġodda se jkun qed jibni fuq dak li rnexxielu jwettaq Gvern Laburista f’dawn l-aħħar erbà snin, jiġifieri l-maġġoranza assoluta ta’ dak propost fl-2013. L-għajta tal-Partit Laburista għal din il-kampanja hija “L-Aqwa Żmien” u fil-fatt il-manifest tal-Partit Laburista għandu l-għan ewlieni li minkejja li pajjiżna diġà qed jesperjenza l-aqwa żmien tiegħu f’ħafna snin se jkun qed jassigura li l-aqwa żmien ta’ pajjiżna għadu ġej.
Matul dawn id-dsatax-il jum ta’ kampanja, l-Prim Ministru ħabbar numru ta’ proposti f’oqsma differenti, iżda l-ħames wegħdi ewlenin huma:
- Żieda fin-numru ta’ btajjel pubbliċi f’Malta
- Depożitu ta’ 10% għal min jixtri l-ewwel dar u estensjoni tal-iskema tal-first time buyers għal dawk li jkunu waslu biex jixtru t-tieni dar
- Tnaqqis fit-taxxi u aktar flus fil-bwiet tan-nies
- Żieda fil-pensjoni minima
- L-ikbar investiment fl-istorja fit-toroq Maltin u Għawdxin
Dawn huma biss il-proposti ewlenin, hekk kif il-Prim Ministru flimkien mal-kandidati laburisti ħabbar miżuri oħra li fost oħrajn jinkludu wegħdi fil-qasam tal-edukazzjoni, saħħa, libertajiet ċivili, kultura, familji u anzjani kif ukoll proposti għal persuni b’diżabilità. Mat-tħabbira tal-proposti, l-Mexxej Laburista spjega fid-dettall il-viżjoni tal-Partit li jmexxi filwaqt li ta elenku ukoll tal-costings.
Għall-konferenza ġenerali nġabru mijiet ta’ nies, konferenza li tkompli tikkonferma kemm il-bieb tal-Partit Laburista huwa miftuħ għal kulħadd.