Ġie ffirmat ftehim bejn l-MCCAA u network nazzjonali tal-laboratorji li permezz tiegħu se tkun qed tiżdied il-kooperazzjoni fil-qasam tal-metrologija. Avvanzi f’dan is-settur se jirrikjedu aktar xogħol fuq innovazzjoni b’aktar prattiċi fil-manifattura.
Il-metroloġija hija xjenza ta’ kejl applikata f’diversi oqsma bħall-kummerċ, l-industrija, s-saħħa u r-riċerka. Dan ifisser li l-ebda suq ma jkun jista’ jiffunzjona mingħajr ma jsir kejl korrett.
Il-Ministru Helena Dalli fissret kif l-għan wara dan il-ftehim huwa li l-laboratorju tal-Metroloġija f’Malta li jopera fuq żewġ oqsma, kalibrazzjoni u servizzi tal-metroloġija legali, jsaħħaħ l-għan li jipprovdi liċ-ċittadin u l-konsumatur bl-asigurazzjoni li jsir kejl korrett b’mod konsistenti u affidabbli.
Permezz ta’ dan il-Memorandum of Understanding bejn il-Malta Laboratories Network u l-Awtoritá ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur biex tissaħaħ il-koperazzjoni bejn dawn l-entitajiet. Dan il-ftehim qed iwassal ukoll għal użu aħjar ta’ tagħmir avvanzat u tax-xjenzjati kwalifikati li jinsabu f’dawn il-laboratorji.
Permezz ta’ dan in-network tal-laboratorji, il-pubbliku se jkun assigurat li qed jakkwista l-affarijiet kif indikat eżempju li jkun ingħata litru petrol.
Fi kliem il-Ministru Helena Dalli, dan il-ftehim hu sinjal t’appoġġ fil-ħolqien u fl-implimentazzjoni tas-Sistema ta’ Kwalità għad-Direttorat tal-Metroloġija sabiex dan il-laboratorju jsaħħaħ l-akkreditazzjoni tas-servizzi u jżid l-kompetenza tax-xjentisti f’dan il-qasam.