Xjentisti Maltin b’riċerka għal teknoloġija avvanzata li tgħin fil-prevenzjoni u l-kura tal-kanċer tas-sider u l-musrana. Il-grupp tar-riċerkaturi mmexxi mill-Professur Godfrey Grech beda b’din ir-riċerka sentejn ilu u ħadem dwar l-identifikazzjoni tal-karaterristiċi tat-tumuri biex dawn l-istess karaterristiċi jkunu identifikati permezz ta’ testijiet tad-demm.
Il-Professur Godfrey Grech spjega kif nibtet l-idea ta’ din ir-riċerka li mistennija tagħmel pass importanti fil-kura tal-kanċer.
“Allura dan il-proġett kien propju li nagħmlu validation tat-teknoloġija u dik it-teknoloġija tkun sensittiva biżejjed biex naqraw dawn il-partiċelli fid-demm li joriġinaw mit-tumur. Il-vantaġġ tagħha hi li tkun tista’ tagħmel patient management, jiġifieri waqt it-terapija tkun tista’ wieħed jieħu d-demm u tiċekkja dawn il-karateristiċi tat-tumur.”
Il-Professur Grech qal li r-responsabilità tar-riċerkatur hija li jressaq ir-riċerka għall-vantaġġ soċjali u għall-benefiċċju tal-pazjent. Minkejja li din ir-riċerka hija bbażata fuq il-kanċer tas-sider u l-musrana l-istudju huwa versatili li jaħdem fuq tipi oħra ta’ kanċer.
“Però in the meantime ħdimna wkoll fuq tumuri oħrajn. Ħdimna fuq it-tumur tal-utru li diġà għandna ħafna leads ta’ riċerka li eventwalment jistgħu jmexxu għall-ċertu prodotti. Dik ħdimniha flimkien ma’ akkademja Ġermaniża u beħsiebna nibdew l-lung cancer.”
Din ir-riċerka li hija liċenzjata għand il-kumpanija Maltija, Applied Biotech, qed tqajjem interess ukoll fost kumpaniji internazzjonali rinomati fosthom il-Luminex u Thermo Fisher.
Mija u disgħin elf ewro ingħataw għar-riċerka minn fond li huwa amministrat mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, l-MCST.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill, Dr Jeffrey Pullicino Orlando, qal li dan il-fond mogħti mill-Gvern huwa speċifikament biex tiġi xprunata r-riċerka applikata.
“Dan il-proġett iffukat fuq il-marda qerrieda tal-cancer, li sfortunatament aktar ma jgħaddi żmien aktar iżżid u bi pjaċir ngħidu li hemm riżultati nkorranġanti ħafna f’dak li għandu x’jaqsam max-xogħol li sar mir-riċerkaturi Maltin.”