Fl-isfond ta’ temperaturi għoljin f’partijiet sostanzjali madwar id-dinja, xjentisti qegħdin jkomplu jwissu dwar it-tibdil fil-klima u l-effetti li dan iġib miegħu.
Bħalissa l-Ewropa qed tkun soġġetta għal mewġa ta’ sħana li skont in-Nazzjonijiet Uniti mistennija tkompli tikser ir-rekords fil-jiem li ġejjin. Dan apparti rekords oħra li qegħdin jintlaqħu lil hinn mill-Ewropa, sħana fl-oċeani u l-għoli fil-livell tal-baħar Antartiku deskritti lkoll bħala bla preċedent.
Fil-fatt, is-6 ta’ Lulju kienet l-ogħla temperatura medja madwar id-dinja kollha hekk kif laħqet 17.08°C. Dan skont informazzjoni miġbura mis-servizz Ewropew responsabbli mill-moniteraġġ tal-klima Copernicus.
Ix-xjentisti qegħdin jattribixxu dawn il-fenomeni primarjament minħabba l-użu karburanti fossili bħaż-żejt, il-faħam u l-gass li qegħdin iwasslu għat-tisħin globali esperjenzat fl-aħħar snin.