Xjentisti Ingliżi qalu kif il-booster tal-Covid-19 jagħti madwar 85% protezzjoni kontra s-sintomi severi tal-varjant il-ġdid, Omicron.
Din il-protezzjoni hija ftit inqas mill-ewwel dożi li ttieħdu, iżda bl-aktar mod ċar ix-xjentisti wrew kif il-booster xorta waħda qed jipproteġi lin-nies milli jidħlu l-isptar għall-kura kawża tal-Coronavirus.
Fi Franza, il-Prim Ministru Franċiż tkellem dwar kif il-varjant Omicron qed jinxteder b’mod mgħaġġel ħafna fl-Ewropa, fejn dan mistenni jiddomina l-każijiet pożittivi fi Franza fil-bidu tax-xahar id-dieħel.
Huwa tkellem propju ftit sigħat qabel ma’ pajjiżu impona restrizzjonjiet stretti fuq dawk il-persuni li se jidħlu fi Franza mir-Renju Unit.
Min-naħa l-oħra, fl-Irlanda, żewġ terzi tal-każijiet huma tal-varjant Omicron, li fi kliem il-Prim Ministru Irlandiż, il-pajjiż mistenni jara rata għolja ħafna ta’ nies pożittivi għall-virus.
Fil-jiem li għaddew pajjiżi oħra bħall-Italja, il-Greċja u anke l-Protugall daħlu fis-seħħ il-miżura li kull min jidħol f’pajjiżhom iridu jippreżentaw test negattiv għall-Covid-19.
L-Olanda wkoll irreġistrat ammonti kbar ta’ nies pożittivi fl-aħħar sigħat u għal dan, il-midja internazzjonali qed tirraporta kif l-awtoritajiet tas-saħħa qed jipproponu lockdown b’miżuri stretti.
Il-bars, ristoranti u l-maġġoranza tal-ħwienet l-oħra ntalbu jgħalqu bejn il-ħamsa ta’ wara nofshinar sal-ħamsa ta’ l-għada filgħodu sa l-erbatax ta’ Jannar li ġej.