Il-konsultazzjoni għall-Użu tal-Pestiċidi b’mod kontrollat u sostennibli tnediet aktar kmieni din il-ġimgħa mill-Awtorita’ Maltija għad-drittijiet tal-konsumatur u d-Direttorat tad-diversifikazzjoni fil-biedja.
F’Ta’ Qali, Sefarin Spiteri, bidwi minn ġuf ommhu, qalilna li mhux kull prodott jeħtieġ il-bexx, u kemm jista’ jevitah. Madanakollu meta jużah jagħmel dan bl-inqas mod possibbli – kutrarju għal dak li jsir barra minn xtutna. Fis-suq ta’ Ta’ Qali tkellimna mal-agronomista Charles Zahra li laqa’ l-konsultazzjoni imnedija mill-gvern biex isir aktar kontroll fuq l-uzu tal-pesticidi. Għax fost oħrajn hu ta’ piż finanzjarju għall-bidwi u għalhekk ma jintuzax b’kapriġġ.
Waħda mill-bejjiegħa f’Ta’ Qali qaltilna li llum il-konsumaturi saru aktar konxji ta’ dak li jieklu. L-agronomista Charles Zahra qal li l-vijabilita’ fis-settur tal-biedja mhuwiex li tiġi eskluża kompletament l-użu tal-kimika, imma li tintuża waħda naturali bħal kubrit.