Fl-elfejn u tmintax, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposta biex tieqaf isseħħ il-bidla fil-ħin darbtejn f’sena.
F’konsultazzjoni pubblika li saret fuq livell Ewropew, il-maġġoranza riedu li ma tibqax tinqaleb is-siegħa, b’aktar minn tmenin fil-mija qalu li jippreferu ħin wieħed is-sena kollha.
Din il-fehma hija riflessa wkoll fl-opinjoni tal-poplu Malti.
Sigħat qabel tinqeleb is-siegħa għall-ħin tas-sajf, ONE News mar jistaqsi lin-nies fil-pjazza ta’ Raħal Ġdid.
Uħud qalu li l-ħin tas-sajf jista’ jkun iżjed utli għan-negozji u l-ħaddiema, li jirbħu siegħa oħra fid-dawl.
Oħrajn irrimarkaw kif din il-bidla li sseħħ darbtejn f’sena mhix prattika.
Diversi studji juru li l-bidla fil-ħin mhux talli għandha benefiċċji minimi, iżda tista’ tkun ukoll perikoluża, minħabba rabta li teżisti bejn żieda fl-inċidenti tat-traffiku u fuq il-post tax-xogħol u anke problemi ta’ saħħa li jseħħu fil-ġimgħa meta tinqaleb is-siegħa.