Fuq l-għatba ta’ sena ġdida huma bosta li jħossu l-opportunità li jbiddlu xi ħaġa f’ħajjithom għall-aħjar. Huwa għalhekk li bosta jagħmlu xi riżoluzzjoni jew tnejn bit-tama li ma jiksruhomx mal-ewwel tokki wara nofs-il lejl.
Lejliet sena ġdida crew ta’ ONE News bakkar fit-toroq tal-kapitali Maltija, fejn staqsa lin-nies jekk għandhomx xi riżoluzzjoni ppjanata għas-sena elfejn, tnejn u għoxrin.
Bħal dejjem f’dan iż-żmien tas-sena, mhux waħda jew tnejn ikunu kielu iktar milli jixtiequ, u għalhekk id-dieta kienet fuq moħħ ħafna.
It-tradizzjoni li wieħed jagħmel riżoluzzjoni tmur lura għal żmien il-Babilonja fejn fil-bidu ta’ kull sena ġdida, kienu jwegħdu lill allat li ser jirritornaw l-oġġetti mislufa u jħallsu d-djun tagħhom.
Iżda minkejja din id-drawwa, diversi Maltin u Għawdxin jiddeċiedu li ma jagħmlux riżoluzzjonijiet. Uħud għaliex qatt ma żammewha jew għaliex jemmnu li dak li jeħtieġ li jsir għandu jiġi indirizzat fil-ħin, u mhux joqgħodu jistennew sal-bidu tas-sena l-ġdida.
U hekk kif is-sena elfejn u wieħed għoxrin kienet ta’ sfida għal kulħadd, anke minħabba l-pandemija ħafna jittamaw li s-sena l-ġdida ġġib magħha tama ġdida.