Hekk kif tħabbret il-mewt tal-Papa Franġisku, issa jingħata bidu għal proċess fil-Knisja Kattolika li jwassal għall-ħatra tas-suċċessur tiegħu, fejn l-ewwel pass ikun il-funeral. Tkellimna ma’ Frank Zammit, Ambaxxatur Malti għas-Santa Sede, fejn dan spjega il-proċessi li jidħlu fis-seħħ.
Hekk kif il-ġisem tal-Papa jitpoġġa ġo tebut taċ-ċipress, dan imbagħad jitpoġġa ġo ieħor tal-ħadid, u imbagħad kif ukoll ġo wieħed tal-ballut. Fil-każ tal-Papa Franġisku, huwa għażel li meta jmut jindifen f’tebut tal-injam biż-żingu, fejn imbagħad minflok se jitpoġġa għall-wiri tal-pubbliku fuq pjattaforma għolja, il-katavru se jkun espost għall-pubbliku f’tebut miftuħ.
“Irrevoluzzjona anke l-proċess ta’ difna ta’ Papa, fejn ħafna mill-protokolli li kien hemm sal-aħħar Papa, dawk waqgħu, fejn per eżempju se jindifen f’tebut b’saff wieħed.”
L-Ambaxxatur Frank Zammit
Fatt interessanti huwa li l-Papa Franġisku mhux se jkun qed ikun midfun fil-grotta tal-Vatikan bħalma huma midfuna l-Papiet ta’ qablu, però se jkun qed jindifen fil-Bażilika ta’ Santa Maria Maggiore, waħda mill-4 bażiliki papali ewlenin f’Ruma. Zammit semma kif il-fidili li se jkunu preżenti u jsegwu l-funeral, se jaraw xena mhux tas-soltu, fejn se jaraw il-hearse titlaq bih.
“Kien iħobb imur ħafna hemm ħabba l-ikona Salus Populi Romani, il-Madonna saħħa tar-Rumani, li f’kull vjaġġ appostoliku qabel jibda u wara li jispiċċa, jgħaddi hemm qabel imur id-Domus Santa Marta, r-residenza tiegħu, sabiex jirringrazzja lill-Madonna.”
L-Ambaxxatur Frank Zammit
Dwar il-proċess, issa il-Kardinal Kevin Joseph Farrell, il-Camerlengo, jikteb lill-Kardinali kollha biex imorru Ruma għall-Funeral, b’disat ijiem u disa’ quddisiet għall-Papa minħabba li kellu rwol kbir b’talb speċjali għal ruħu. Frank Zammit semma kif fl-istess ħin, jibdew il-kongregazzjonijiet ġenerali tal-Kardinali.
“Hemm wieħed jibda jifforma l-ħsieb fuq min jista’ jiġi elett Papa għax hemmhekk il-kardinali, kemm dawk eletturi u kemm dawk li għalqu tmenin sena, jistgħu jidħlu għalihom u jibdew jiddiskutu il-Knisja fejn tinsab illum u l-Knisja fejn trid tittieħed u tkompli l-proċess tat-triq tagħha.”
L-Ambaxxatur Frank Zammit
Fejn tidħol l-għażla tal-Papa l-ġdid, dan ikun elett mill-Kulleġġ tal-Kardinali, bl-għażla issir minn wieħed minnhom, għalkemm jista’ jinħatar kull Kattoliku mgħammed. Fil-preżent, naraw li mill-252 kardinal, 138 huma eliġibbli li jivvutaw għall-Papa l-ġdid.