Mhuwiex il-faqar materjali dak li joħloq id-dwejjaq fil-komunità ta’ Ħad-Dingli f’dawn iż-żminijiet.
Iżda, jeżisti tip ta’ faqar ieħor. Dak tas-solitudni. Ta’ persuni li minkejja kisra ħobż għandhom biex jixtruha sew, m’għandhomx ma’ min jikluha.
Dan jirriżulta minn stħarriġ tal-Caritas dwar din il-lokalità. It-tielet wieħed minn sensiela li qed jiffokaw dwar lokalitajiet differenti.
Jirriżulta li iktar minn nofs ir-residenti anzjani li jgħixu waħedhom f’Ħad-Dingli semmew kif iħossu ħafna l-problema ta’ solitudni. Minkejja ċerti servizzi li jeżistu fil-lokalità.
Id-Direttur tal-Caritas Leonid McKay qal li għalkemm dawn il-problemi forsi jidhru inqas minn oħrajn huma realtà li ma tistax tkun injorata.
Miegħu qabel l-Arcipriet Dun Karist Zammit li fisser li nies li jidhru tajjeb minn barra joffru realta differenti meta xi ħadd bħalu jidħol fi djarhom.
Fl-aħħar xhur 44 volontier tal-Caritas daħlu f’mija sitta u ħamsin dar f’Ħad Dingli. L-età medja ta’ dawk li ħadu sehem fl-istħarriġ kienet ta’ ħamsin sena.
Mc Kay fakkar kif f’San Ġiljan u Ħal Qormi kienu nstabu żoni fil-faqar, iżda mhux l-istess Ħad Dingli. Anke jekk mhux kulħadd jiflaħ għal ħlas tal-affarijiet essenzjali kollha kemm huma.
U f’dan l-isfond il-Caritas reġgħet nediet l-ikla tal-Milied għal dawk waħedhom, li din id-darba se ssir fil-bitħa tal-kurja li se tissaqqaf u tintrama għall-okkażżjoni. Jirriżulta li diġà hemm iktar minn mitejn persuna li rreġistraw. Li jfisser li diġà qalu li se jmorru kemm marru nies is-sena li għaddiet.