F’konferenza tal-aħbarijiet mtella’ minn Festivals Malta ġurnata qabel il-Belt Valletta tiżejjen bin-Notte Bianca tħabbru diversi dettalji għal pubbliku dwar x’inhu mħeġġeġ li jagħmel sabiex jattendi għal din l-attività bl-akbar kumdità.
Għal din is-sena tfasslu diversi rotot biex wieħed jara dak li jinteressah l-aktar filwaqt li l-folol jkunu mqassma aħjar madwar il-kapitali kollha. Fost dawn ir-rotot hemm dawk iddedikati għaż-żfin, it-teatru, klassiku, mużika u dik iddedikata għat-tfal.
Dawn ir-rotot se jakkomodaw prestazzjonijiet mtella’ minn madwar ħames mitt artist f’ħamsin attività separata.
Matul is-serata l-postijiet storiċi kollha, bħal bereġ inkluż l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-Parlament Malti se jkunu mituħa għall-pubbliku.
Għal dawk il-persuni bi bżonnijiet speċjali u għandhom fil-pussess tagħhom il-blue badge se jkunu jistgħu jipparkjaw f’parkeġġ speċjali fi Triq in-Nofsinhar, il-Belt stess. Apparti minn hekk, persuni b’diżabilità se jkunu eliġibbli li jaqbżu l-kju.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet il-Pulizija qalet li se tkun qed tiżdied il-preżenza tagħha madwar it-toroq tal-Belt filwaqt li appellat lill-ġenituri ta’ tfal żgħar biex iħarsu lil uliedhom u fost l-oħrajn jħallu karta b’numru tat-telefon biex f’każ li jintilfu, minħabba l-ammont ta’ nies li mistennija jattendu, l-Pulizija tkun tista’ tinterċetta lill-ġenituri b’aktar effiċjenza.
Minn naħa tal-awtorità Transport Malta, qed tissuġerixxi biex ikun użat kemm jista’ jkun it-trasport pubbliku li se jkun qed joffri servizz estiż sas-siegħa tal-għada filgħodu.
Fost l-oħrajn, is-servizz Tal-linja se jkun b’xejn għal kull min għandu t-Tallinja Card u l-frekwenzi tal-vjaġġi se jkunu bħal dawk ta’ fost il-ġimgħa.
Imbagħad, wara l-ħdax ta’ billejl, se jibdew isiru vjaġġi kull nofs siegħa għal madwar il-pajjiż kollu. Barra minn hekk, se jkun offrut is-servizz ta’ park and ride għal dawk li jixtiequ jħallu l-karozza tagħhom f’parkeġġi fil-Marsa quddiem il-Kumpless ONE, Pembroke u l-Furjana. Hawnhekk se jitħaddem is-servizz ta’ shuttle bus sas-siegħa ta’ filgħodu.
Is-servizz tat-trasport pubbliku bil-baħar ukoll qiegħed ikun mħeġġeġ li jintuża san is-servizz se jkun estiż sas-sagħtejn ta’ filgħodu bir-rotot normali mill-Belt Valletta għal Tas-Sliema u mill-Belt Valletta Kottonera.
It-Taxi stand se tkun qed taħdem b’mod normali minn biswit il-Monument ta’ Kristu Re qabel Pjazza Tritoni.
L-uffiċjali ta’ Transport Malta ħabbru wkoll kif ir-residenti biss se jkunu jistgħu jidħlu ġewwa l-Belt Valletta, b’dawk li mhumiex reisdenti jistgħu jaslu biss sat-triq li ddawrek mal-Belt minn barra.
Id-Direttur Artistiku ta’ Notte Bianca, Antoine Farrugia fakkar kif id-dettalji kollha bil-programmi jinsabu fuq is-sit festivals.mt jew il-paġna ta’ Facebook Notte Bianca Valletta.