Tul is-snin, kien hemm diversi każijiet, fejn akkużat ma setax jgħaddi ġuri, minħabba li kien instab mill-Qorti, li kien fi stat ta’ ġenn meta wettaq l-att kriminali, b’dan ifisser, li dan ma jkollu ebda responsabiltà kriminali.
Madwar id-dinja, diversi teoriji huma użati sabiex jistabbilixxu xi jfisser li tkun fi stat ta’ ġenn – definizzjoni li tmur lil hinn mid-definizzjoni medika.
Tkellimna mal-Avukat Veronique Dalli, li tatna d-definizzjoni ta’ dan it-terminu legali, dak li bit-Taljan, u mil-lat legali huwa magħruf bħala l-capacità di intendere u capacità di volere.
“Xi ħadd ikun fi stat ta’ ġenn, jekk fil-mument tar-reat, ma jkollux il-kapaċità li jifhem li dak li qed jagħmel hu ħażin, li jifhem il-kwalità ta’ x’qed jagħmel, u li ma jkollux il-kapaċità fuq ir-rieda tiegħu – ma jkollux il-kapaċità li jikkontrolla l-emozzjonijiet tiegħu.”
Veronique Dalli, Avukat
Żiedet tgħid kif dawn l-elementi jridu jkunu nieqsa fil-mument tar-reat bħala konsegwenza ta’ marda tal-moħħ permanenti, li taffetwa l-kapaċità tal-moħħ.
Stqarret li meta akkużat juża din id-difiża, huwa jkun qed jitlob lill-Qorti sabiex taħtar panel ta’ tliet tobba psikjatriċi, magħrufa bħala Periti, li jevalwaw medikament is-sitwazzjoni tal-akkużat fil-mument tar-reat, u jekk din il-marda kinitx teżisti b’tali mod li taffetwa l-volontà tiegħu, jew li ma fehemx dak li qed jagħmel u l-konsegwenzi.
“Jippreżentaw rapport wieħed flimkien lill-Qorti. Ma jfissirx li l-kelma tat-tobba psikjatriċi, hija l-aħħar kelma, għax hu l-panel tal-ġurati, li għandu l-aħħar kelma f’dan il-każ. Huma l-ġurati li jridu jevalwaw il-provi, jisimgħu lit-tobba, l-evidenza u l-provi – favur jew kontra, dik is-sitwazzjoni partikolari.”
Veronique Dalli, Avukat
Minkejja li jiġu maħtura l-esperti, id-deċiżjoni finali, hija f’idejn il-Qrati.
Semmiet ukoll kif kien hemm diversi każijiet, fejn l-esperti u l-Qorti ma qablux.
“Ma jfissirx li għax għandek rapport li qed jgħid li hu jew mhuwiex il-każ, il-ġurati se jkunu qed jaqblu miegħu. Iridu jagħmlu l-analiżi tagħhom.”
Veronique Dalli, Avukat
Staqsejniha, xi tkun it-triq ‘il quddiem, meta jiġi ddeterminat li l-akkużat kien fi stat ta’ ġenn.
“Il-Qorti li tagħmel, tordna li l-imputat jinżamm taħt kustodja fl-Isptar Monte Karmeli, skont it-termini tal-Att tas-Saħħa Mentali, u tordna li jibqa’ jirċievi l-kura hemmhekk, u huma t-tobba kuranti li jieħdu ħsieb il-kura tal-pazjent, eċċetra… Is-sentenza fil-konfront tal-imputat, ma tingħatax għaliex ma jkunx kriminalment responsabbli.”
Veronique Dalli, Avukat
Jekk il-marda, ma tkunx preżenti meta jseħħ ir-reat, iżda aktar tard, ix-xenarju jinbidel kompletament.