Tista’ żżur it-tempji tal-Ġgantija fix-Xagħra, Għawdex bla ħlas nhar il-Ħadd li ġej, 14 ta’ Ottubru. Dawn it-tempji preistoriċi huma inklużi fil-lista tal-Wirt Kulturali Dinji tal-UNESCO, u huma kkunsidrati bħala wħud mill-eqdem monumenti wieqfa fid-dinja, saħansitra iktar antiki minn Stonehenge u l-piramidi tal-Eġittu.
Il-leġġenda tgħid li t-Tempji tal-Ġgantija nbnew minn razza ta’ ġganti peress li numru mill-megaliti li jinsabu f’dan is-sit huma itwal minn ħames metri u jiżnu iżjed minn ħamsin tunnellata. Anki llum, dawn l-istrutturi fenomenali kapaċi jħallu l-viżitaturi bla kliem.
Id-dħul għat-Tempji tal-Ġgantija jsir miċ-Ċentru ta’ Interpretazzjoni modern li dis-sena qiegħed jiċċelebra l-ħames anniversarju mill-ftuħ uffiċċjali tiegħu (ko-iffinanzjat mill- European Regional Development Fund 2007-13). F’dan iċ-Ċentru, il-viżitaturi għandhom l-opportunità li jesploraw aspetti varji relatati mal-ħajja Neolitika. F’dan il-post ukoll, tinsab selezzjoni interessanti tal-aktar sejbiet importanti li ġew skoperti f’siti preistoriċi diversi ġewwa Għawdex.
Dan l-avveniment qed jiġi organizzat b’kollaborazzjoni mal-Planning and Priorities Coordination Division fil-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza.
Żjarat bil-gwida se jsiru fid-09:30, fil-11:00, fis-13.00 u fit-15:00.
Ħinijiet tal-ftuħ: Mid-09:00 sal-17:00.