Sabiex għaddew l-emendi fil-liġi tal-IVF fil-Parlament nhar l-Erbgħa li għadda, kien kruċjali l-proċess li jsir fi stadju ta’ kumitat.
ONE News tkellem mad-Deputat Michael Farrugia, li huwa ċ-Chairman tal-Kumitat Parlamentari għall-Kunsiderazzjoni tal-Abbozzi, fejn qal kif huwa qed jibdel il-mod ta’ kif jimxi dan il-kumitat.
Michael Farrugia qal li huwa mhux se jkun Chairman passiv u se jaħdem biex ikun hemm qbil bejn iż-żewġ partiti fuq affarijiet li dwarhom ikun hemm nuqqas ta’ qbil.
Qal, “Fil-każ tal-abbozz ta’ liġi tal-IVF għamilt ħamest ijiem, għamilt ħamest ijiem nitkellem mal-kelliema prinċipali tal-Partit Nazzjonalista. Tkellimt ukoll mad-Deputat Prim Ministru, li huwa l-Ministru responsabbli mis-Saħħa, biex nipprova kemm jista’ jkun l-emendi nressquhom lejn xulxin. Huwa veru li fl-aħħar minuta tressqet emenda illi medikament ma kinitx tagħmel sens u fl-aħħar l-Oppożizzjoni rrealizzat u finalment tneħħiet dik l-emenda.”
Hawnhekk Michael Farrugia kien qed jitkellem dwar meta fil-kumitat parlamentari li kien qed jiddiskuti l-IVF, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ressqet emenda ta’ malajr biex ipprova jieħu l-liġi lura u mhux ’il quddiem.
Id-Deputat Farrugia qal ukoll kif il-kumitat qed jagħti opportunità lill-għaqdiet mhux governattivi, hekk kif fil-bidu ta’ kull kumitat, dawn jistgħu jgħaddu l-opinjoni tagħhom dwar dik il-liġi li tkun qed tiġi diskussa.
F’din il-leġiżlatura l-ġdida, minn taħt dan il-kumitat għaddew minn taħtu l-liġijiet tal-IVF u anki dik tal-femiċidju.
Farrugia spjega ma’ din il-kamra tal-aħbarijiet kif dan il-kumitat parlamentari jikkonkludi l-liġi, li finalment tmur għal vot quddiem il-plenarja tal-Parlament u jekk din tkun approvata, tidħol fis-seħħ u jibdew igawdu minnha l-Maltin u l-Għawdxin.
Qal, “Fi stadju ta’ kumitat ikun hemm id-deċiżjonijiet aħħarin tal-liġi kif attwalment se tkun mgħaġġuna fl-aħħar għall-approvazzjoni, f’dak li ngħidulu t-tielet qari fil-Parlament, qabel titressaq lill-President, tiġi ffirmata mill-President u hemmhekk dak l-abbozz ta’ liġi jiġi attwali.”