Kienu tmien konsorzji internazzjonali li tefgħu l-offerta biex ikunu huma li ineħħu ċ-ċumnija l-kbira tal-power station ta’ Dellimara, b’ONE NEWS huwa infurmat li bħalissa l-Enemalta qed tevalwa l-offerti.
Ladarba t-tender ikun aġġudikat u x-xogħol fuq l-impjant il-ġdid ikun lest għal kollox, iċ-ċumnija tkun tista tibda tiżżarma għaliex għal dan ix-xogħol diġa’ nkiseb il-permess tal-Awtorità tal-Ippjanar.
Iċ-ċumnija ta’ Dellimara tkun tista’ titneħħa biss meta tkun qed taħdem il-power station il-ġdida biex id-daħna sewda li r-residenti ġieli nnotaw issir xi ħaġa tal-imgħoddi.
Fil-fatt, fl-aħħar jiem reġgħu dehru fuq il-midja soċjali ritratti ta’ daħna sewda fuq Marsaxlokk riżultat tal-fatt li l-impjant magħruf bħala Dellimara One kien qiegħed jerġa’ jinxtegħel wara manutenzjoni.
Li kieku ma sarx l-impjant tal-gass din id-dehra kienet se tibqa’ xi ħaġa komuni minn żmien għal żmien għax Dellimara One ma tkunx tista’ tingħalaq. Li Dellimara tibqa’ tinxtegħel hija xi ħaġa li jrid il-Kap tal-Oppożizzjoni, li jargumenta li mingħajr l-impjant il-ġdid għandna biżejjed elettriku. Però l-istatistika turi li f’Malta għandna biżejjed elettriku jekk kemm – il darba l-Marsa tibqa’ fuq standby u Dellimara One tibqa’ titħaddem kontinwament.
Żewġ impjanti li l-gvern ma jridx jibqa juża għaliex kien wiegħed u jemmen li l-Heavy Fuel Oil, żejt li jniġġeż, għandu jinqata minn pajjiżna. Dan f’miżura bla preċedent favur l-ambjent u s-saħħa tan-nies.