Monsinjur Pawlu Cremona, mhux biss se jibqa’ mfakkar bħala l-Arċisqof Emeritu ta’ Malta, bejn l-2007 u l-2014, iżda wkoll se jibqa’ mfakkar għall-ħidma li wettaq fis-skiet, mingħajr daqq ta’ trombi. Kull azzjoni xprunata mill-imħabba.
Tkellimna m’għadd ta’ saċerdoti, kif ukoll ma’ soru, li fissru t-telfa ta’ Monsinjur Pawlu Cremona bħala telfa għall-Knisja f’pajjiżna – hekk kif ma jafux meta jista’ jkollna ieħor bħalu. Dan hekk kif qalbu kienet akbar minnu, u n-nies kienu jiġu qabel hu nnifsu.
SANTO SUBITO. Qaddis mal-ewwel – kien fost is-sentiment ta’ dawk li tkellimna magħhom.
“Telfa kbira għall-Knisja f’Malta, hekk kif ma nafx meta nistgħu jerġa’ jkollna xi ħadd bħalu.”
“Għalih in-nies kienu jiġu l-ewwel u jinsa lilu nnifsu.”
“Qalbu kienet akbar minnu.”
“Qaddis mal-ewwel. Xhieda t-tant nies illum. Santo Subito.”
“Isqof li huwa approachable ħafna. Kien jiddjaloga miegħek, jitkellem, itik ċans, tiftaħ qalbek anke bħala saċerdot…”
“Kellu mħabba kbira, lejn kulħadd.”
“Bniedem umli. Bravu ħafna u lili għallimni ħafna.”
“Missier spiritwali jiġifieri kien bniedem li bil-ġentilezza, t-tbissima tiegħu u l-mod kif kien jitkellem, juri l-imħabba u l-ħniena t’Alla l-missier.”
Tkellimna wkoll ma’ persuni oħrajn li kienu jafuh lil hinn mill-kariga tiegħu fi ħdan il-Knisja Maltija. Supporter tat-tim tal-football ta’ Valletta FC, kif ukoll bniedem li ħadem mingħajr daqq tat-trombi.
Tkellimna fost l-oħrajn ma’ xi familjari tiegħu – fosthom in-neputi, kif ukoll il-Maġistrat Joe Mifsud, li kien ħabib kbir tal-Arċisqof Emeritu.
Hawn huwa stqarr kif Monsinjur Cremona kien avviċina għexieren ta’ nies li tbiegħdu mill-Knisja ħabba l-problemi tas-sittininiet, u saħansitra ġabarhom lura fi ħdan il-Knisja.
“Kien hemm persuni li kienu ‘l bogħod mill-Knisja li bis-saħħa tiegħu u Mario Grech imbagħad Għawdex, kienu avviċinaw ħafna nies li kienu waqgħu lura minħabba ċertu problemi – ħa nkunu ċari – tas-sittinijiet.”
“Jien rajtu minn Patri, sa meta sar Arċisqof u meta rriżenja. Jfisser ħafna.”
“Kien tal-familja. Barra minn hekk, kien bniedem ta’ umiltà kbira li jtik eżempju kif għandek tagħmel int.”
“Ħabib tiegħi. Bniedem umli u li jġib il-paċi.”
Sentiment wieħed jibqa’ komuni. Monsinjur Pawlu Cremona mhux biss kien Arċisqof mill-iprem, li jaqdi d-dmirijiet tiegħu fi ħdan il-Knisja Maltija bl-aqwa mod, iżda wkoll persuna li dejjem għarfet tħobb u ġġib l-interessi ta’ ħaddieħor qabel tagħha – mingħajr ebda daqq tat-trombi.