Kull tielet Ħadd ta’ Ġunju jiġi ċċelebrat Jum il-Missier. Din il-ġurnata bdiet tiġi mmarkata fl-1908, wara li fl-Istati Uniti kienu mietu 361 ħaddiem, fosthom 250 missier. Barra dan, dik id-diżgrazzja kienet ħalliet persuna mingħajr missier.
F’dan il-jum jitfakkru s-sagrifiċċji li jagħmlu l-missirijiet, fil-ħajja ta’ kuljum, għal uliedhom. F’dan il-jum toħroġ iktar l-importanza tal-irwol tal-missier fil-ħajja tal-ulied u tal-familja.
Il-missier, bħala mudell għal uliedu, għandu l-irwol li jrawwem fihom modi kostruttivi kif iħarsu lejn il-ħajja ta’ kuljum. Jagħti pariri siewja biex jiżviluppaw il-ħiliet meħtieġa biex jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom.
Mogħni b’aktar esperjenza, il-missier iwassal sens ta’ sigurtà li jikoraġġixxi dak kollu li l-ulied joħolmu li jagħmlu f’ħajjithom. Jgħin lit-tfal tiegħu jagħmlu l-aħjar għażliet.
Fl-okkażjoni ta’ Jum il-Missier, ONE News iltaqa’ ma’ tliet personalitajiet ta’ ONE Radio li huma wkoll missirijiet: Joe Tanti u John Bundy ta’ The Bundy Tanti Connection, is-Sibt wara nofsinhar, u Josef Caruana, preżentatur ta’ Bongu Solid Gold, il-Ħadd filgħodu.
Lil Joe Tanti u lil John Bundy tlabnihom jirrakuntawlna kif jiftakru lil missierhom.
Joe Tanti kellimna dwar missieru Joe – għax kien jismu l-istess. Spjegalna li missieru, li kien spiżjar u surmast ta’ skola, kien ta’ dixxiplina kbira. Joe lil missieru kien jadurah imma ma ħareġ jixbħu xejn.
“Missieri ma kellux ħin għall-mistoqsijiet vojta, ma kellux ħin. Allura kien iwieġbek. Allura kont ngħidlu, ‘Pa, għalfejn ipparkjati hawn? Ħa nsuq, m’hawn karozzi, m’hawnx nies’. Kelli dawk l-għaxar snin, hekk. ma kien iwiġibni xejn. Ma kienx se jispjegalek. Tgħallimt ma nweġibx mistoqsijiet vojta.”
John Bundy, li tilef lil missieru Alfred erba’ snin ilu, jgħid li ma jemminx li missieru ħallih. Qalilna li għadu jagħmel konversazzjonijiet miegħu kuljum. Bundy jgħid li sar jaf lil missieru sewwa meta kiber, minħabba li kien jaħdem fil-lukandi, u allura ma kienx ikun magħhom. Irrakkuntalna li l-ewwel darba li kiel magħhom għall-ikla tal-Milied, rawh kważi żejjed. John qalilna li għandu tifkiriet sbieħ ta’ missieru
“Il-ħin li kien ikollu għalina meta konna żgħar huma tifkiriet li ma nista’ ninsihom qatt għax dejjem tana l-ħin ta’ kwalità, dejjem ħa ħsiebna, dejjem ħadem għalina. L-iktar ħaġa tajba li kien jagħmel, li ħallieli – u li jien nagħmilha anki lllum – hu li kellu mezz ta’ komunikazzjoni ma’ wliedu, inkredibbli. Ma kienx ikellimna ta’ tfal. Kien ikellimna ta’ ħbieb u dejjem tana l-aħjar parir. Dak iż-żmien, meta konna żgħar, kont ngħid, ‘Dan dejjem jipprietka’. Meta tikber, dawk il-prietki tibda tagħmilhom int.”
Josef Caruana, bħala missier ta’ tliet ulied – Kieran, Kaycie, u Kendra – qalilna xi jfisser għalih l-irwol ta’ missier.
“Bħala missier, żgur li mhux se ngħid li jien missier perfett. Nipprova nagħmel l-almu kollu tiegħi ma’ wliedi, li mhux biss niggwidahom, imma fl-istess ħin inħallihom fl-indipendenza tagħhom. Bla dubju nkun qed nonqos jekk ma nindikalhomx li jkunu se jaqbdu rotta ħażina, ma tiġbdilhomx l-attenzjoni.”
Fl-aħħar nett, id-disk jockey ta’ ONE Radio tal-Ħadd filgħodu qalilna x’valuri wiret mingħand missieru Joseph.
“Jiena mingħand missieri, li għadu ħaj u jgawdi l-għomor, ħadt ħafna valuri. Naħseb li l-aktar valur importanti illi ħadt u assorbejt, u li ġie parti mill-psiki tiegħi, huwa li x-xogħol huwa importanti mhux biss għax jagħtik dħul monetarju imma għax jagħtik id-dinjità, u li tirsiti u li taħdem huwa importanti fil-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna.