Fl-iskola tal-Knisja St Francis ta’ Bormla qiegħdin isiru xi xogħolijiet. Għalhekk min qiegħed jieħu ħsieb, ra li jġib l-iskips neċessarji u li f’kull ħin inaddaf warajh.
Iżda kien hemm min ħa vantaġġ mis-sitwazzjoni. Is-sindku ta’ Bormla Alison Zerafa Civelli ikkonfermat li minn dar viċin l-iskola, fi Triq il-Kampnar, tbattal ammont ta’ ġebel għal ġot-triq. Meta l-Pulizija marret tħabbat il-bieb ta’ din id-dar, sabet raġel li qal li mhux sid il-propjetà, iżda tqabbad mis-sid jieħu ħsieb il-binja sakemm il-propjetarju siefer.
Aktarx li d-dar hija propjetà ta’ barranin, u mhux magħruf jekk kienx il-Malti li tefa’ l-ġebel fit-triq jew inkella jekk kinux is-sidien.
Is-sindku rringrazzjat lid-Direttorat tat-Tindif għall-għajnuna immedjata u x-xogħol imprezzabbli wara l-aġir ta’ din il-persuna li sejħitilha irresponsabbli.
Temmet tgħid “tal-mistħija!” filwaqt li fakkret li din it-triq għada se tkun użata minn tfal tal-iskola li jibdew sena skolastika ġdida.