“Xi ġmiel għandkom f’Malta.”
Kien b’dan il-kliem li l-attur komiku ta’ fama internazzjonali David Walliams iddeskriva lil pajjiżna bix-xena pittoreska tal-Port il-Kbir fl-isfond.
L-attur Ingliż jinsab f’pajjiżna biex imexxi l-ewwel edizzjoni tal-Malta Film Awards.
F’konferenza tal-aħbarijiet fuq il-bejt taċ-Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi huwa wieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti kemm lokali u anke internazzjonali.
Mistoqsi mill-ġurnalist ta’ ONE News dwar kif ġie milqugħ f’Malta, Walliams qal li l-Maltin huma nies dħulin u mill-aħjar.
Walliams qal, “It’s wonderful, it is lovely, welcoming people and just very happy to be part of this celebration it is wonderful to come here for such a special event.”
David Walliams huwa magħruf għal bosta partijiet li ħadem fix-xena televiżiva Ingliża, fosthom Little Britain u anke l-irwol tiegħu bħala parti mill-ġurija ta’ Britain’s Got Talent.
L-attur komiku qal li din hija l-ewwel darba tiegħu f’Malta, iżda minn dejjem kienet ix-xewqa tiegħu li jiġi hawn.
Dan anke wara li kien jitpaxxa bil-ġmiel li joffru l-gżejjer Maltin, fosthom mill-film Gladiator.
Huwa tenna, “I saw the epic movies of all time and I’ve seen it on many, many occasions.”
Minbarra li huwa komiku professjonali, David Walliams huwa awtur ta’ sensiela ta’ kotba tat-tfal.
Fil-fatt fil-Barrakka t’isfel huwa sab numru ta’ tfal kollha eċitati biex jiltaqgħu mal-kittieb li ta’ kuljum qabel ma jorqdu jżommilhom kumpanija bil-pinna maġika tiegħu.
L-attur Ingliż ġie milqugħ mill-Kummissarju għall-Films Johann Grech.