Xi darba l-ktieb irid jingħalaq, allura ħobb lilek innifsek u lil ta’ madwarek.
Dan huwa l-appell ta’ Mariella Attard, mara ta’ wieħed u ħamsin sena li ilha tiġġieled il-battalja kontra l-kanċer tas-sider għal dawn l-aħħar erba’ snin u nofs.
Lil Mariella tkellimna magħha waqt konferenza organizzata minn Nisa Laburisti bl-iskop li jitqajjem għarfien dwar il-marda tal-kanċer.
Mariella qalet, “Ħassejt id-dinja ħa taqa’ fuqi, il-biża’ li kienet mhux għax ġara li ġara, bżajt li t-tfal jispiċċaw waħedhom.”
Mill-esperjenza tkellmet kif il-kuraġġ huwa nofs il-fejqan.
Hi kompliet tgħid, “Tqum u toħroġ minn ġod-dar u tibqa’ il-persuna li dejjem kont dik il-persuna li bit-tajjeb u l-ħażin tiegħek inti qegħda hemm anke biex tgħin lil ħaddieħor.”
Mariella saħqet li m’għandniex inħallu l-affarijiet materjali jkissruna u appellat biex nagħtu kas saħħitna.
“Xi darba l-ktieb irid jingħalaq u l-memorji ħa tieħu miegħek allrua ħobb lilek nnifsek, ħobb lil ta’ madwarek, ħobb anke lil dawk li għamlulek il-ħsara”, sostniet Mariella.
Preżenti għall-konferenza kien hemm ukoll mart il-Prim Ministru Lydia Abela li saħqet dwar l-importanza li nkomplu nqajmu għarfien dwar l-għajnuna li teżisti.
Dr Abela tenniet, “In-nisa li aċċettaw li jagħmlu appuntament żdied għal 88% pero xorta waħda għad baqa dak il-perċentaġġ ta’ nisa li minkejja li ssirilhom stedina biex imorru jagħmlu t-test għal xi raġuni jew oħra mhux qed imorru. L-appell tiegħi huwa biex aktar nisa jilqgħu din l-istedina u jmorru jagħmlu dan it-test għax aktar ma tagħmel it-test kmieni aktar hemm ċans ta’ fejqan.”
Dr Lydia Abela faħħret ukoll il-ħidma ta’ Nisa Laburisti u ħeġġet biex nibqgħu katalisti u nsemmghu l-vuċi tal-mara u tal-minoranza.