Fil-jiem li ġejjin it-toroq tal-belt jkunu kkaratterizzati minn mijiet ta’ persuni lebsin il-kostum tal-karnival. Iżda waqt li għal xi wħud ma jiswihom xejn għax jilbsu dak li jiġi għal idejhom, għad-dilettanti tal-karnival, kostum tal-karnival jaf jiswa aktar minn €1,000.
Kostumi kollha antaċċoli, kuluri u minn kull xorta ta’ drappijiet lussużi fosthom il-bellus u l-velvet li trid seba’ għajnejn biex tarahom. Kull metru drapp jaf jiswa sa €15,000 il-metru.
F’maħżen fiż-Żejtun, iltqajna ma’ Christian Caruana, dilettant tal-karnival li jistqarr li hu mitfugħ l-aktar fuq il-kostumi. Jgħid li ta’ kull sena, iż-Żwieten joħorġu b’kostumi innovattivi li jpaxxu l-għajn tal-Maltin u t-turisti li jżuru l-karnival ta’ Malta.
Lil hinn mill-kompetizzjoni jispjega li kull kostum jiswa’ ħafna flus, anke eluf, iżda jistqarr li min għandu għall-qalbu r-renju għall-bluha, jagħmel minn kollox biex ikollu l-isbaħ kostum.
Jispjega li l-kostumi jieħdu sigħat twal biex jitlestew u warajhom hemm grupp ta’ ħajjata ddedikati li jużaw il-kreattività tagħhom biex il-kostum mhux biss ikun sabiħ iżda kemm jista’ jkun ħafif.
Christian Caruana mix-Shake Dance Company qal: “Aħna bħala xogħol fuq kustumi nibdew mill-istruttura. Hemm jibdew il-ħsibijiet l-aktar li trid moħħ fuqhom. Minn hemm tibda l-għażla tad-drappijiet, tiżjin, fosos etc.”
Spjega li x-xogħol fuq il-kostumi li se jikkompetu bihom din is-sena beda f’Awwissu li għadda. Qal li min jieħu sehem fiż-żifna jrid jagħmel sagrfiċċji kbar, mhux biss finanzjarji iżda wkoll sakemm ifassluh, iġarrbuh, iħituh u fuq kollox sigħat twal ta’ provi qabel jinżel jiddadan bih fil-jiem tal-karnival.
Huwa kompla jirrimarka: “Biex niffinalizzaw kull kustum nista’ ngħidlek li qatt ma nkunu lesti. Naħsbu li nkunu lesti imma mbagħad daqqa tirranġa hemm, daqqa żżid xi ħaġa fuq n-naħa l-oħra. Tista’ tgħid li qatt m’int se tkun lest.”
Qalilna li wara dawn is-sagrifiċċji kollha, issa jinsabu ħerqana ħafna biex itellgħu spettaklu mill-aqwa.
Fl-aħħar nett huwa qal: “Din is-sena għandna element u ritmu qawwi ħafna tas-samba fiż-żifna li qed jispikka ħafna u ftit tal-jiem ilu kellna rehearsals u qiegħdin ħafna looking forward anke wara l-feedback sabiħ li kellna.”
Minkejja l-kompetizzjoni qalila, huwa awgura lill-kumpaniji kollha li jieħdu sehem fil-karnival. Qal li kulħadd jaħdem qatigħ biex itella’ spettaklu mill-isbaħ waqt li bi tbissima talab l-Alla biex ma jkollnix it-temp li kellna fi tmiem il-ġimgħa li għadda.