“Żgur li kienu xhur impenjattivi però xhur ta’ sodisfazzjon.”
Kien b’dan il-mod skjett li l-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà, beda intervista ma’ ONE News f’għeluq is-sena li fiha nħatar fl-ogħla kariga fil-Korp.
Is-Sur Gafà qal li f’dawn l-aħħar sitt xhur, sarraf l-enerġija tiegħu f’ħidma lejn il-viżjoni li l-Korp ikun fdat miċ-ċittadin.
Fost l-oħrajn, ġew solvuti sitt omiċidji, b’uħud involvew l-estradizzjoni ta’ persuni minn barra l-pajjiż.
Il-ħidma fis-settur tal-immigrazzjoni ma qatgħet xejn, u ta’ kuljum tressqu nies il-Qorti b’akkużi ta’ dokumenti foloz.
Saru wkoll qabdiet rekord tad-droga, flimkien ma’ operazzjonijiet kbar kontra l-ħasil tal-flus, b’waħda minn dawn tal-aħħar saħansitra ġiet rikonoxxuta mill-Amerka.
Fi kliem il-Kummissarju, kull jum jippreżenta sfida ġdida, u bħal kulħadd huwa wkoll uman.
Qal kif, “L-isfidi tax-xogħol ftit li xejn jaqtgħuli qalbi però mbagħad għandek l-aspett uman u allura jekk titlef kollega fuq il-post tax-xogħol, jew ikollok talbiet minn Pulizija li forsi jkollhom membri fil-familja tagħhom partikolarment tfal ta’ ftit xhur, b’mard serju li jkollhom bżonn permess li jsiefru fit-tul, dawk verament jnikktuni lili u dan-nies jiena nkun qed nagħtihom is-sapport kollu li għandhom bżonn.”
Fost il-ħidma li saret fl-aħħar xhur biex il-Korp ikun aktar viċin iċ-ċittadin, ġie estiż il-proġett tal-Pulizija fil-Komunità, u fix-xhur li ġejjin se jkompli jinfirex f’aktar lokalitajiet, fosthom fil-Marsa, fil-Ħamrun, f’San Ġiljan u f’San Pawl il-Baħar.
Dan bil-għan li b’relazzjoni b’saħħitha mal-pubbliku, ikunu n-nies stess li jidentifikaw l-għeruq tal-problemi li jwasslu għal reati.
Spjega, “Meta l-pubbliku ġġibu on board, ir-riżultat ikun ħafna ikbar għaliex il-ħidma tagħna tista’ tkun waħda effettiva jekk nagħmluha mal-pubbliku u allura fix-xhur li ġejjin se nkunu qed nestendu dan il-kunċett tal-Community Policing.”
Xi ħaġa li wiegħed is-Sur Gafà sa mill-ewwel jum tiegħu bħala Kummissarju, kienet komunikazzjoni akbar mal-midja.
Sitt xhur wara, Angelo Gafà jgħid li l-Korp tal-Pulizija qed iħares lejn il-midja bħala l-id il-leminija tiegħu.
Sostna, “Kwalunkwe rondi li nagħmlu, kwalunkwe road checks li nagħmlu, qed iħallu l-effett tagħhom allura anki meta nikkomunikaw mhux just qed nikkomunikaw x’nagħmlu imma wkoll ir-riżultat tax-xogħol.”
Huma n-nies li jagħmlu l-Korp, u biex il-ħidma tkun effettiva, l-uffiċjali jridu jkunu motivati u jkollhom l-għodda neċessarja biex jaħdmu.
Qal, “Fl-ewwel ġimgħat tas-sena l-ġdida se nkunu qed invaraw flotta ġdida għar-Rapid Intervention Unit. Dawn huma Pulizija li erbgħa u għoxrin siegħa kuljum qegħdin barra fit-toroq, ġeneralment huma l-first responders meta jinqala’ inċident u għall-ewwel darba se jkollhom flotta li anki tħarsilhom is-sigurtà tagħhom minn potenzjalment persuna li għadu kemm ġie arrestat u jista’ jkun forsi taħt l-effetti.”
Fost aktar proġetti fil-Korp għas-sena elfejn u wieħed u għoxrin, il-Kummissarju tal-Pulizija qal li se jiġu ntrodotti kameras li jintlibsu mill-uffiċjali, jiżdied aktar taħriġ, u għall-ewwel darba se jiġi introdott il-kunċett tal-mentoring, biex dawk b’esperjenza fil-Korp, ikunu jistgħu jservu ta’ gwida għal uffiċjali ġodda, u jistabilixxu bażi tajba għal Pulizija denji fil-Korp.