Xhud u referenzi għall-‘Gabaj’ tneħħew mill-provi fil-kawża kontra Deniro Magri ta’ tlieta u tletin sena, li jinsab mixlija b’sitt kapi t’akkuża, fosthom li qatel lil Sylvester Farrugia fil-Marsa fi Frar tal-2017. Farrugia kien instab mejjet f’għadira demm.
Il-Qorti, ippreseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, semgħet kif proprju dakinhar tal-omiċidju, l-akkużat kien qiegħed jilgħab il-playstation fid-dar tiegħu fil-Marsa, meta mill-kameras tas-sigurtà lemaħ żewġ persuni mal-bieb ta’ barra u spiċċa jispara fuqhom.
Magri jinsab mixli li hu sparalhom meta diġà kienu tbegħdu mill-faċċata, bil-vittma jintlaqat f’daharu.
Fis-seduta tal-lum, l-akkużat ressaq diversi eċċezzjonijiet dwar l-akkużi li qed jiffaċċja u, wara li semgħet is-sottomissjonijiet kollha, il-Qorti laqgħet l-eċċezzjoni dwar il-piena, it-talba dwar l-inamissibilità tax-xhieda u l-eċċezzjoni biex titneħħa mill-provi kull referenza għall-persuna bil-laqam tal-‘Gabaj’.