Il-Qorti sabet biżżejjed provi sabiex Karl Vella Petroni jitpoġġa taħt att ta’ akkuża.
Dan meta fil-Qorti bdiet il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Vella Petroni ta’ 41 sena mill-Mellieħa, li jinsab mixli li qatel b’mod involontarju żewġt irġiel Pakistani, f’inċident tat-traffiku fil-Mosta, li seħħ fis-6 ta’ Mejju li għadda.
Fil-Qorti ħareġ li l-akkużat allegatament ittestja fil-pożittiv li kien xurban, il-kokaina u l-kannabis, waqt li kien qed isuq fid-direzzjoni l-ħażina.
Minn xhieda tas-Surġent Francesco Mizzi, li kien minn tal-ewwel fuq il-post, xehed li dan l-inċident rawh żewġ persuni. Wieħed minnhom kien qed isuq wara l-mutur li fuqu kien hemm il-vittmi, waqt li ieħor kien qed jiggoġja.
It-tnejn li huma raw li l-karozza li kienet qed tinstaq minn Vella Petroni kienet fid-direzzjoni l-ħażina u kienet għaddejja b’veloċita eċċessiva.
Wieħed minnhom xehed li tbellah x’ħin ra l-inċident u kien fi stat ta’ xokk. Qal li qagħad fuq il-bankina u ma kellem lil ħadd sakemm waslu l-pulizija fuq il-post.
Fil-Qorti, is-Surġent tal-Pulizija xehed li xamm riħa ta’ xorb mill-akkużat u deher għajjien.
Intqal li l-akkużat qallu li kien mgħaġġel hekk kif sieħbu qallu li kellu bżonn l-għajnuna.
Fil-Qorti, il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia qalet li huwa prematur li l-akkużat jingħata l-ħelsien mill-arrest.